Ix-Xtut tal-Majjistral t’Għawdex u t-Toponomastika tagħhom – Alex Camilleri

Nhar it-Tlieta, 16 ta’ Marzu 2021, fis-6.00pm, Alex Camilleri se jitkellem fuq “Ix-Xtut tal-Majjistral t’Għawdex u t-Toponomastika Tagħhom” fuq Zoom. Biex tidħol issegwi din it-taħdita agħfas fuq din il-ħolqa:
https://universityofmalta.zoom.us/j/99583155103

Ix-xtut ta’ madwar l-Għarb, l-Għasri u d-Dwejra joffru ambjent naturali ftit li xejn mittiefes, b’sisien għoljin u weqfin maqrusin bejn kampanja mill-isbaħ u baħar salvaġġ li jqanqallek kurżità u rispett fl-istess ħin. Magħġunin ma’ dawn l-inħawi mwarrbin hemm ukoll drawwiet, ġrajjiet u saħansitra fdalijiet lingwistiċi li żewqu l-folklor lokali u l-istorja ta’ kuljum fil-ħajja ta’ dari.

F’din it-taħdita, se tingħata titwila lejn xi ħjiel li joffrulna uħud mit-toponimi, jiġifieri l-ismijiet u l-laqmijiet tal-post, li waslulna b’mod verbali min-nies li qattgħu għomorhom u żmienhom hemmhekk. Tingħata ħarsa ħafifa wkoll lejn xi rakkonti, għajdut u osservazzjonijiet oħra marbutin m’ dawn il-postijiet.

Alex Camilleri twieled Tas-Sliema fl-1971. Għandu 49 sena u huwa missier ta’ żewġt itfal. Studja fl-Università ta’ Malta, mnejn kiseb Baċellerat fix-Xjenza, Ċertifikat (PGCE) fit-Tagħlim tax-Xjenza, Maġisteru fl-Ippjanar Ambjentali, u Diploma fil-Management. Ilu għal dawn l-aħħar 27 sena jaħdem fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent u f’oqsma oħra relatati, u għandu għal qalbu wkoll il-wirt storiku u kulturali Malti. Fost l-interessi personali tiegħu, hemm il-ġbir ta’ tagħrif dwar it-toponomastika Maltija u Għawdxija, u l-esplorazzjoni xiber b’xiber tal-Gżejjer Maltin, b’mod partikolari l-kampanja, ix-xtut, u taħt il-baħar. Kien involut fi proġetti ta’ riċerka ambjentali f’Malta, fl-Italja, fit-Tuneżija u fil-Marokk, u kiteb għadd ta’ artikli f’pubblikazzjonijiet lokali u barranin dwar temi li jolqtu l-ambjent naturali u t-toponomastika.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s