Nhar it-Tlieta 12 ta’ Ottubru 2021 fis-6.00pm, Anita Vassallo Piccinino, “Ħej mamà, tini piżella…” se titkellem dwar rakkonti u taqbiliet tal-imgħoddi. Din it-taħdita se tkun fuq Zoom u fuq Facebook u hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta u miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Anita Vassallo Piccinino se tiffoka fuq stejjer li kienu jirrakkontaw in-nanniet u l-ommijiet lit-tfal. Rakkonti kemxejn qosra iżda kienu magħrufin ħafna mat-tfal ta’ żmien il-gwerra meta n-nies kienu jkunu miġburin kollha f’kamra waħda, u t-tfal kollha tat-triq kienu jmorru kollha għand il-Bużnanna Rużar biex jisimgħuha tirrakkonta. It-taħdita se tħares lejn kliem li fl-imgħoddi n-nies kienu jużaw biex jikkomunikaw bejniethom u li matul iż-żmien intilef bosta minnu. Fl-aħħar il-kelliema se tippreżenta xi taqbiliet li l-ommijiet kienu jkantaw jew jgħidu lil uliedhom biex joqogħdu kwieti.

Anita Vassallo Piccinino, twieldet u għexet il-Belt Valletta u għal snin twal qattgħet ħafna ħin man-nanna tagħha li ta’ spiss kienet tirrakkontalha stejjer u ġrajjiet tal-passat. Għalkemm kienet għadha żgħira kienet tistagħġeb kif ir-rakkonti li kienet tisma’ kienet donnha tgħixhom u kienet tħoss illi kieku dawn ir-rakkonti ma kitbithomx kienu jintilfu.
Anita taħdem bħala producer u script writer mal-kumpanija We Media Ltd. Ħadmet għal 7 snin bħala producer fil-programm Xarabank u L-Erbgħa fost il-Ġimgħa. Kienet parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Bijografiji li kien jixxandar fuq il-PBS u bħalissa qed tattendi l-kors tal-Qari tal-Provi tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta.