Nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ottubru 2021 fis-6.00pm, Janice Caruana, “Il-Majjistra u t-Twelid fil-komunità Maltija fis-seklu 20”. Din it-taħdita se tkun fuq Zoom u fuq Facebook u hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta u miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

It-taħdita se tiffoka fuq riċerka ta’ 6 snin li saret dwar il-majjistra u t-twelid fis-seklu 20. Primarjament, se tħares lejn l-esperjenzi orali ta’ majjistri u ommijiet. Se tingħata ħarsa lejn il-proċess tat-twelid u lejn il-ħajja tal-majjistri li kienu jassistu t-twelid tat-trabi barra l-isptar. It-taħdita se tippreżenta wkoll l-ismijiet ta’ oġġetti relatati mat-twelid, kliem il-majjistra u l-Malti mitkellem.

Janice Caruana, toqgħod iż-Żejtun u omm ta’ tifla. Fl-2009 gradwat bħala infermiera Bsc. bl-unuri mill-Università ta’ Malta. Ħadmet f’sala tal-medċina tan-nisa għal sena, seba’ snin l-emerġenża u mil-2016 ‘l hawn taħdem bħala infermiera fuq l-ambulanza. Ħadet diversi taħriġ fil-qasam tal-emerġenza u l-ambulanzi u għal diversi snin kient tagħmel l-korsijiet tal-ewwel għajnuna għal ommijiet prospettivi mal-Malta Midwifery Association. Fl-2019 kompliet bl-istudju tagħha fil-Psikoloġija u fil-preżent qed tagħmel Post-graduate Diploma in Systemic Family Psychotherapy (Institute of Family Therapy – Malta). Fis-6 ta’ Marzu nediet il-ktieb Il-Majjistra u t-twelid fil-komunità Maltija fis-seklu 20 wara 6 snin ta’ riċerka.