Nhar It-Tnejn 8 ta’ Novembru 2021 fis-6.00pm, Ġużi Gatt, “Il-Ħares, u Karattri oħra tal-Fantasija Maltin”. Din it-taħdita se ssir mil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u se tintwera diretta fuq Zoom u Facebook. Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Moħbija bejn il-versi tal-ilsien Malti jeżistu ħafna karattri tal-fantasija li qed jintesew, donnu tħallew biss fid-dinja tan-Nanna Gerit. Din it-taħdita se tippreżenta għadd ta’ karattri relatati mal-istejjer tal-biża’ li kienu jirrakkontaw fl-imgħoddi, fost oħrajn: Il-Għul, l-Ors tal-Gandlora, il-Belliegħa, il-Gawgaw, is-Sħaħar, il-Ħares, it-Tork tat-Taraġ u l-waħx. Din it-taħdita se tqanqal il-ħtieġa biex dan il-wirt orali ma jintilifx u tfittex ukoll x’hemm bżonn isir.

Ġużi Gatt riċerkatur li jgħin fil-proġett dwar It-Tradizzjoni Orali. Huwa s-segretarju ġenerali tal-Għaqda Maltija tal-Folklor, u l-editur ta’ L-Imnara, li hu l-perjodiku ta’ kull sena li toħroġ l-Ghaqda. Ippubblika ż-żewġ volumi li jġibu l-isem Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni, l-Ewwel u t-Tieni Ktieb. Irriċerka dwar l-istrumenti mużikali tradizzjonali Maltin u għen fir-rikostruzzjoni tagħhom. Qaleb ukoll diversi drammi għall-Malti, imma l-ikbar interess tiegħu hu fl-istorja medjevali ta’ pajjiżna, u l-folklor.