Nhar It-Tnejn 17 ta’ Jannar 2022 fis-6.00pm, Dr Marco Galea, “Lejn Tnissil ta’ Lista ta’ Termini Tekniċi Teatrali”. Din it-taħdita, li se ssir mil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u se tintwera diretta fuq Zoom u Facebook, hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali mmexxija mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.
Il-prattika teatrali f’pajjiżna, b’mod ġenerali ħafna, żviluppat b’għajn waħda lejn il-ġara tagħna, omm il-poeżija imma wkoll qabla ta’ ħafna prattiċi kulturali oħra, u l-oħra, lejn l-art ta’ Shakespeare, għal ħafna snin ta’ ġewwa. Dan huwa rifless mhux biss fl-istil tax-xogħlijiet li ttellgħu u għadhom jittellgħu fit-teatri tagħna, imma wkoll fit-terminoloġija li nużaw biex nitkellmu dwar din il-prattika. Fuq naħa għandna t-tradizzjoni tat-teatru popolari Taljan li bejn is-seklu dsatax u s-seklu għoxrin welldet it-teatru popolari tagħna, imma ħalliet iż-żokra mwaħħla, għax waqt li l-lingwa Maltija nstemgħet bħal bikja ta’ tarbija fit-teatri u t-teatrini improvizzati tagħna, meta t-testi tniżżlu fuq il-karta u ġew stampati, aktarx li d-didaskalija baqgħet bit-Taljan. Għalhekk, il-kelma stampata ftit toffrilna għajnuna. B’mod jixtiebah, it-tradizzjoni Ingliża aktarx għaddiet minn fuq dak li sabet qabilha u għaffġet dak li seta’ nibet qabel bħalma jagħmlu ż-żraben ta’ riġment suldati.
F’din is-sitwazzjoni, il-prattikanti teatrali f’pajjiżna, bħal ħaddiema f’ħafna oqsma oħra tekniċi, huma miftuma minn terminoloġija bil-Malti li jistgħu jużaw biex jitkellmu dwar xogħolhom. L-intervent ta’ Galea f’dan kollu mhux se jkun li jipprovdi dan il-vokabolarju, imma li jiddiskuti mal-udjenza metodu jew metodi biex dan il-vokabolarju jinħoloq, b’ħarsa lura lejn ix-xquq tal-istorja b’ħarsa ’l quddiem lejn dak li jista’ jgħinna.

Dr Marco Galea huwa kap tad-dipartiment tal-Istudji Teatrali u direttur tar-riċerka fl-Iskola tal-Arti Performattiva fl-Università ta’ Malta, fejn jikkordina wkoll ix-xogħol fuq arkivju diġitali tal-arti performattiva f’Malta. Ir-riċerka tiegħu tinkludi suġġetti bħat-teatru f’Malta, it-teatru postkolonjali u t-teatru amatorjali.
Sounds like a very interesting session which I would love to attend . While at it, I believe that some attention should be given to another crying need which will become increasingly important as time goes by , namely film and screenplay language. I would be interested in learning about these linguistic areas. All the best in your endeavours.
LikeLiked by 1 person