Nhar It-Tnejn 31 ta’ Jannar 2022 fis-6.00pm, George Cini, “Strada Stretta Ħadet il-Fama u Marret Torqod?”. Din it-taħdita, li se ssir mil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u se tintwera diretta fuq Zoom u Facebook, hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali mmexxija mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

L-isem Strada Stretta jqanqal xmara t’emozzjonijiet f’kull min jara miktub jew jisma’ dan l-isem. X’tip ta’ memorji ġġib it-triq lil dawk li qalgħu x’jieklu minnha? Huma tifkiriet ta’ tbatija, swat u ħażen? Jew ta’ żmien li jiddispjaċihom li ġie u mar bla kliem u bla sliem?

Għal dawk li ma kinux midħla tat-triq, Strada Stretta kienet meqjusa bħala bejta ta’ ħallelin u xxellerati. L-istess kienu x’aktarx jaħsbu dawk li jidhrilhom li huma biss kien ħaqqhom il-premju tal-ġenna minħabba d-dijadema ta’ qdusija li kienu jiddandnu biha għal għajn in-nies. F’din it-taħdita George Cini se jitkellem dwar ir-riċerka li għamel għall-kotba tiegħu dwar Strada Stretta. Se jippreżenta xi rakkonti ta’ nies li jiftakru u għexu esperjenzi f’din it-triq li darba xegħlet.

George Cini ggradwa b’Baċellerat fl-Arti (Unuri) fl-istudju tal-komunikazzjoni u għandu Maġisteru fil-ġurnaliżmu. Jgħallem il-ġurnaliżmu fl-Università ta’ Malta, ħadem fl-industrija tar-reklamar u l-marketing, kien night editor mal-gazzetta Times of Malta u qatta’ għaxar snin korrispondent mal-aġenzija tal-aħbarijiet Associated Press. Cini ppubblika tliet kotba: Strada Stretta: It-Triq li darba xegħlet il-Belt (2010), Strada Stretta: Aktar dawl fuq it-triq li darba xegħlet il-Belt (2015) u Strada Stretta: Aktar stejjer mit-triq li darba xegħlet il-Belt (2021).

Offerta: Strada Stretta: Aktar dawl fuq it-triq li darba xegħlet il-Belt u Strada Stretta: Aktar stejjer mit-triq li darba xegħlet il-Belt jiġuk €25 flok €29.50ċ l-wieħed. Tista’ tordna l-ktieb jew il-kotba billi tibgħat messaġġ fuq 9943 0578.