L-Għana tal-Fatt fit-Tieni Nofs tas- Seklu Dsatax

Nhar It-Tnejn 28 ta’ Frar 2022 fis-6.00pm, Ritianne Camilleri, “L-Għana tal-Fatt fit-Tieni Nofs tas-Seklu Dsatax”. Din it-taħdita, li se ssir mil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u se tintwera diretta fuq Zoom u Facebook, hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali mmexxija mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Il-ġeneru popolari tal-għana tal-fatt jikkonsisti f’għanja konċiża f’għamla ta’ poeżija li ssegwi skema regulari għall-aħħar b’funzjoni mnemonika, ġeneru li jesprimi attitudni sensazzjonali lejn avvenimenti storiċi b’laqta makabra fi żvolġiment traġiku u kultant saħansitra bi klima li toqrob lejn il-fataliżmu. Minkejja li dawn il-versi popolari jgħannu kronaka ta’ skerrih, kif wieħed jistenna minħabba l-motif kriminali tagħhom, fl-istess waqt ifittxu joħolqu element ta’ faxxinu, tant li l-udjenza donnha tiddiverti ruħha bil-beżgħat u d-destin sfortunat tal-protagonisti tagħhom.

Skont Ritianne Camilleri, lokalment huma relattivament ftit in-nies li jafu dwar dan il-wirt letterarju. Għalhekk, ħasset li dan il-vojt jeħtieġ jimtela b’teżi ffukata fuq perjodu partikulari, li permezz tiegħu tgħarraf aktar lill-poplu b’ġeneru miktub u orali tiegħu stess, biex eventwalment trawwem fih kuxjenza akbar lejn tradizzjoni li, għalkemm mhix letteratura kanonika, għandha l-merti tagħha. Waħda mill-motivazzjonijiet letterarji ewlenin biex tistħarreġ dan il-ġeneru partikolari kienet it-taħlita unika bejn il-kreattività artistika tal-versifikatur u l-fatt storiku li ma jista’ jinbidel qatt. Dan it-tlaqqigħ apparentament paradossali wassal għall-analiżi bir-reqqa ta’ fejn jiltaqgħu d-destin irrimedjabbli tal-att kriminali u l-innovazzjoni artistika li tintensifikah, tagħmlu aktar sensazzjonali sal-punt li tqanqal fl-udjenza sentimenti friski u qawwija anki dwar fatt diġà magħruf. Interessanti l-fatt li, minħabba l-konċiżjoni ta’ dan il-ġeneru, l-għanja dejjem tidher qiegħda ddur madwar azzjoni ċentrali waħda li mbagħad tikseb ħajja rikorrenti, azzjoni li tkun seħħet tassew fl-imgħoddi iżda li tibqa’ esegwita bħala għana fost ġenerazzjonijiet differenti. F’dan is-sens l-għana tal-fatt huwa ħolqa dejjiema bejn il-passat u l-preżent, saħansitra anki l-futur jekk inqisuh bħala tagħlima għall-aġir fil-ġejjieni.

F’kuntrast mal-ħila limitata fil-kitba u fil-qari tal-poplu Malti tat-tieni nofs tas-seklu dsatax, ġeneri orali bħall-għana tal-fatt akkumpanjaw lill-bniedem sa minn perjodi bikrija u f’diversi ċirkostanzi tal-ħajja. Għaldaqstant, f’dan it-taħdita, Ritianne Camilleri, se tiddiskuti wħud mill-mezzi popolari li lewnu lil dawn l-għanjiet u servew sabiex jinħażnu fihom kemm kronaki fattwali kif ukoll is-sentimenti u t-tagħlimiet marbutin magħhom. Din ir-riċerka saret għat-teżi tal-Baċellerat tal-Arti fil-Malti taħt is-superviżjoni tal-Professur Bernard Micallef.

Ritianne Camilleri, għandha wieħed u għoxrin sena, mill-Mosta u għadha kif iggradwat b’Baċellerat tal-Arti fil-Malti (Unuri). Wara l-ewwel gradwazzjoni tagħha iddeċidiet li tkompli l-istudji tagħha u bħalissa qiegħda tagħmel Maġisteru bit-tama li tilħaq għalliema tal-Malti. Karriera li minn ċkuniti dejjem ammirat.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s