L-Istejjer u l-Ħrejjef tan-Nanna Karmena Suban – Mons. Louis Suban

Nhar It-Tnejn 25 ta’ April 2022 fis-6.00pm, Mons. Louis Suban “L-Istejjer u l-Ħrejjef tan-Nanna Karmena Suban.” Din it-taħdita, li se ssir mil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u se tintwera diretta fuq Zoom u Facebook, hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali mmexxija mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Ritratt tal-familja Bonnici tan-naħa ta’ omm il-kelliem

Hemm persuni li bl-istejjer li jirrakkontaw lil uliedhom u lil ulied uliedhom, u speċjalment bil-mod kif jirrakkontawhom, jinfluwenzawhom għal ħajjithom kollha.

In-nanna Karmena kienet mara ta’ ftit kliem imma meta n-neputi tagħha Louis kien jistaqsiha dwar l-istorja tal-familja Suban kienet tibda tirrakkonta u ma tiqafx. Meta kienet tirrakkonta ħrafa, bħal dik tas-seba’ tronġiet mewwija, kienet kapaċi żżejjinha u minn darba għal oħra tagħtiha bixra ġdida u eċitanti. Kellha wkoll ħabta tgħid il-ħwejjeġ moħġaġa u ġġiegħel lin-neputijiet tagħha jissieltu mal-misteri intelliġenti tagħhom. Imma n-Nanna Karmena kellha wkoll ħabta tagħżel dak li trid tirrakkonta u dak li ma tridx, bħall-istorja tal-arluġġar tal-familja li kien ġenju f’xogħlu imma kellu d-difett li “tebba’” r-reputazzjoni tal-familja. U għalhekk ikkanċellatu mill-ġrajja tagħhom. Mons. Louis Suban, dilettant kbir tal-arloġġi u iben familja ta’ arloġġara, jirrakkonta lil nanntu Karmena, u dak li tgħallem mill-ħrejjef u mill-istejjer veri li qaltlu, u minn dawk li ma qaltlux.

“Jien minn ċkuniti kont ninteressa ruħi fl-istorja u b’mod speċjali fl-istorja tal-familja Suban. Dan l-interess kien imqanqal mill-ħafna stejjer li kont nisma’ dwar Andre u l-ewwel Subanijiet miz-zijiet u m’ghand in-nanna Karmena li tant kienet tħobb tirrakkonta. Dawn l-esperjenzi ta’ tfuliti li jien għożżejt, meta kbirt għamilt riċerka dwarhom u mlejt il-vojt li kien fadal bejn storja u oħra u skoprejt li l-istejjer li kont nisma’ kollha kienu veri u fihom kien hemm moħbi wkoll dak li bħala tfal kien moħbi għalija.  Grazzi għal ħafna kuntatti minħabba l-ministeru tiegġi skoprejt ħafna aktar milli qatt kont nissoponi.”

Mons. Louis Suban twieled fis-16 ta’ Jannar 1959. Huwa rċieva l-formazzjoni għas-saċerdozju fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, ir-Rabat, u studja fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-istess seminarju. Ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 1984. Dun Louis kien għalliem fis-Seminarju Minuri u serva bħala viċi kappillan fil-parroċċa ta’ Bormla. Fl-1994 nħatar kappillan tal-parroċċa tal-Imsida u fl-2003 beda jservi bħala arċipriet tal-parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat. F’Awwissu tal-2020 tħabbar li l-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Louis Suban bħala prepostu arċipriet tal-parroċċa ta’ Sant’Elena, Birkirkara.

Kitba u ritratti I Adrian Grima

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s