Jien Kurjuż fuq Kollox. Il-Kelma ta’ Guido Lanfranco.

Nhar il-Ħamis 6 ta’ Ottubru 2022, fis-6.00pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, se jsir seminar bl-isem ta’ “Jien Kurjuż fuq Kollox. Il-Kelma ta’ Guido Lanfranco.”

Dawk li ma jistgħux ikunu magħna fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti jistgħu jsegwu s-seminar fuq Zoom u fuq Facebook.

Is-seminar se jiddiskuti aspetti differenti tal-ħidma bla heda ta’ Guido Lanfranco fil-qasam tat-tradizzjoni orali. Lanfranco twieled fit-18 ta’ Ottubru 1930 u ħalliena bħal daż-żmien sena, fit-8 ta’ Settembru 2021.

Il-kelliema se jkunu: Prof. Sandro Lanfranco, Prof. Mark Anthony Falzon, Rita Saliba, u Yanika Schembri Fava, Michael Deguara, Dr Michael Spagnol, Prof. Adrian Grima, u Kenneth Cassar.

Waqt is-seminar żewġ kotba riċenti marbutin ma’ Guido Lanfranco u r-riċerka tiegħu se jkunu għall-bejgħ bi prezz speċjali. Il-Ħarira Kaħla: l-awtobijografija ta’ Guido Lanfranco (2022) se jinbiegħ bil-prezz ta’ €38 minflok €45, waqt li The Examined Life – Writing in Honour of Guido Lanfranco, editjat mill-Prof. Mark-Anthony Falzon, se jinbiegħ bil-prezz ta’ €40 minflok €50.

Dan is-seminar huwa miftuħ għal kulħadd. Ħajr lill-Klabb Kotba Maltin u lill-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta tal-għajnuna biex isir dan is-seminar bħala parti mill-proġett dwar it-Tradizzjoni Orali.


Il-Programm tas-Seminar

Aspetti tal-Ħidma ta’ Lanfranco fuq it-Tradizzjoni Orali

Prof. Sandro Lanfranco

Ix-xogħol ta Guido Lanfranco fuq it-tradizzjonijiet orali, beda sew fis-snin sebgħin. Kienet għadha kemm bdiet tmajna l-fażi ta’ ħajtu fejn kien jistudja l-ambjent naturali u kienet qiegħda tibda l-fażi ta’ studji dwar l-ambjent soċjali. Waqt li kien qiegħed jistudja l-pjanti, iltaqa’ ma’ bosta persuni li għaddewlu tagħrif li ma kienx jinstab fil-kotba. Din qanqlet kurżità li kienet ukoll frott in-nostalġija. Malajr induna li meta dawn in-nies, bosta minnhom anzjani, imutu, imut magħhom dan it-tagħrif u jintilef. Għalhekk, l-istudju tal-pjanti witta t-triq għall-istudju tal-mediċina popolari u minn hemm, ta’ aspetti oħrajn tal-folklor Malti. Dar nies kemm sab, kiteb, u ħafna drabi, pitter l-istejjer tagħhom biex dawn ma jintilfux. 

Guido Lanfranco u l-istorja naturali ta’ Malta

Prof. Mark Anthony Falzon

Wieħed mill-oqsma li Guido Lanfranco spikka fih hu dak tal-istudju tal-pjanti u l-annimali f’Malta. Ix-xogħlijiet tiegħu, li dejjem kienu bbażati fuq riċerka metikluża oriġinali u saru skont metodi xjentifiċi stabbiliti, taw kontribut kbir u dejjiemi. Fost l-oħrajn hemm il-kotba tiegħu fuq il-ħut, il-pjanti u l-mammiferi. Apparti dan ix-xoghol, Lanfranco kien ukoll pijunier f’dak li nistgħu nsejħulu moviment konservazzjonist, li eventwalment issarraf fl-għaqdiet ambjentali li nafu llum. Dan l-intervent se jiddiskuti dan l-aspett ta’ ħidmitu.     

Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin: Esperjenzi u anedotti
Rita Saliba

Fil-kitbiet ta’ Guido Lanfranco wieħed ma jistax ma jinnotax is-sens qawwi ta’ osservazzjoni, ta’ xi ħadd li ma jħallix mument minn ħajja ta’ komunità għaddej mingħajr ma jitkixxef kif u għaliex, u minn fejn beda. Konxju li d-drawwiet ta’ poplu jinbidlu skont l-esiġenzi taż-żmien u kif, “riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa”, l-awtur ma jiqafx biss fuq l-imgħoddi iżda jara s-sens tat-tradizzjoni li baqgħet għaddejja. L-esperjenzi li ġabar Lanfranco ta’ nies li għexu ħajja aktar kajmana ġġegħelna nirriflettu fuq espressjonijiet idjomatiċi u qwiel li writna u li nużawhom biex nikkomunikaw bejnietna fil-ħajja ta’ kuljum. 

It-Teknika tar-Riċerka ta’ Lanfranco
Yanika Schembri Fava

Fil-konverżazzjonijiet tiegħu man-nies dwar it-tradizzjonijiet popolari, Guido Lanfranco, il-“kurjuż fuq kollox,” juri l-ħila tiegħu li jagħlef lill-informanti tiegħu sabiex jitkellmu imma mingħajr ma jinterrompihom. Dan l-intervent se jiffoka fuq it-teknika tar-riċerka li jħaddem Lanfranco fir-recordings tal-programmi tiegħu fuq Radju RTK dwar diversi oqsma mit-tradizzjoni orali fid-dawl tal-biblijografija tiegħu. 

Il-Mediċina Popolari

Michael Deguara

Fost il-ħafna oqsma li Guido Lanfranco kiteb dwarhom, kien hemm dak tal-mediċina popolari. Apparti r-riċerki tiegħu, għaraf ukoll juża l-mezzi tax-xandir b’mod innovattiv sabiex jiġbor tagħrif direttament mill-memorja tan-nies dwar il-metodi ta’ fejqan li kienu jintużaw f’Malta. Meta Lanfranco kiteb dwar dan il-qasam ma kienx qed jagħmel hekk b’nostalġija jew b’sentimentaliżmu. Spiss kien kritiku ta’ dawn il-metodi, speċjalment fil-każ ta’ dawk li llum nafu li ftit li xejn kellhom bażi xjentifika. Madankollu għaraf fihom ukoll parti essenzjali mit-tradizzjoni orali ta’ dawn il-gżejjer, kif ukoll xhieda ta’ kif il-bniedem dejjem fittex li jesperimenta u jinteraġixxi mal-ambjent ta’ madwaru.

Logħob bil-Kliem, Taqbil u Għajdut

Dr Michael Spagnol

Din it-taħdita tagħti ħjiel tas-sehem importanti li kellu Guido Lanfranco fil-ġbir ta’ versi li jsawru logħob lingwistiku inkella li huma parti minn logħob ta’ xorta oħra. B’mod partikolari nixtieq nuri l-enfasi li tinħass fil-kitbiet tiegħu fuq “it-tibdil kontinwu li jġib ħafna varjanti, ukoll b’taħlit bejniethom”. 

Il-Limerikki ta’ Guido Lanfranco, jew l-Ironija u l-Umoriżmu tal-Ħajja

Adrian Grima

Filwaqt li l-limerikk qajla nistgħu ngħidu li hu parti minn tradizzjoni orali Maltija li tmur lura mijiet ta’ snin, Guido Lanfranco jinqeda bih biex jikkummenta fuq aspetti tal-ħajja Maltija ta’ kuljum. Il-mitejn limerikk fil-ktieb Ċajt bil-Limerikki (2008) huma xhieda tal-osservazzjoni attenta tiegħu tan-nies u s-sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom. Dawn il-limerikki juru l-ħakma tiegħu tal-lingwa, il-ħila li jiġbor f’ħames versi marsusin u fi skema riġida ta’ rima l-isfumaturi tal-karattri u tal-ġrajjiet li jgħaddu minnhom. F’dawn it-taqbiliet hemm il-Guido Lanfranco li nafu, osservatur li jinnota, jiftakar u jiddokumenta l-istejjer li jidhru li mhumiex tiegħu. Hemm il-Guido Lanfranco li jħobb “l-ironija u l-umoriżmu tal-ħajja,” imma hemm ukoll il-kreatur li minn kelma, minn ritratt, joħloq storja.

Ix-Xogħlijiet li Guido Lanfranco ta lill-Mużew Etnografiku tal-Birgu

Kenneth Cassar

Bħal dak kollu li jġorr identità Maltija, il-mużewijiet kienu ħafna għal qalb Guido Lanfranco. Ħadem u kkollabora kemm-il darba, u kkontribwixxa wkoll b’diversi donazzjonijiet lill-kollezzjoni nazzjonali, illum fdata f’idejn Heritage Malta. Fl-2016 is-Sur Lanfranco għadda lill-Palazz tal-Inkwiżitur u lill-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija kollezzjoni mill-isbaħ ta’ 269 tpinġija ta’ drawwiet, tradizzjonijiet u rimedji mediċinali popolari, u dokumentazzjoni għal aktar minn 1500 intervent radjofoniku dwar dawn is-suġġetti. Din il-kollezzjoni hi frott ir-riċerka u l-ħidma tiegħu matul għexieren ta’ snin u hija riżorsa imprezzabbli għall-ħidma tal-mużew u għar-riċerkaturi fil-qasam tal-folklor u l-etnografija.


Kumment tal-Prof. Manwel Mifsud fuq Guido Lanfranco

Il-Prof. Manwel Mifsud (Ritratt ta’ Adrian Grima)

“Lil Guido kont nafu mhux ħażin u kien jimpressjonani f’dawn il-punti:

1. GĦALLIEM. Kif intqal, kien għalliem tassew dedikat u ġeneruż: fl-għaqda YTC fis-70ijiet konna nistednuh u kien jiġi dejjem bil-qalb. Min jaf kemm għallimna fil-ħarġiet li konna nagħmlu fix-xagħri tal-Mellieħa jew Ħad Dingli. Hu b’umiltà kbira, u bl-ironija ħelwa tiegħu, ma kienx jixba’ jgħallem. U lill-poplu Malti ħallielu ħafna kotba ta’ tagħlim, kemm fuq ix-xjenza kif ukoll fuq id-drawwiet Maltin.

2. ARTIST. Ħallielna ħafna pittura xjentifika u pittura folkloristika. Mela l-vojt billi ddokumenta bit-tpinġija tant elementi folkloristiċi li kienu ġew deskritti bil-kliem biss. Niftakar il-pjaċir tiegħi meta f’Ruma kont qed inżur wirja ta’ presepji minn kull pajjiż, u Malta kienet rappreżentata bi presepju ta’ Guido, fuq sfond raħli tradizzjonali.

3. XANDAR. Guido Lanfranco kien wieħed mill-ewwel Maltin li għarfu s-siwi tal-media għall-ġbir tal-informazzjoni diretta, ħaġa li f’Malta, minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż, hija iktar faċli. Dan mhux biss għamlu tul ħafna snin b’tant intervisti fuq ir-radju, imma tahomlna dettaljati u anke b’indiċi utli ħafna, kif jaf jagħmel studjuż ta’ veru. Minnu tgħallmu oħrajn fosthom Gordon Caruana, li m’ilux li tana xogħol ieħor mibni fuq intervisti radjofoniċi.

4. STUDJUŻ UMLI. Naħseb li l-aqwa xhieda ta’ studjuż ta’ veru hi l-umiltà. Guido għallimna li, għalkemm tkun xjentist serju, m’għandekx tkażbar l-għerf popolari. Bħala studjuż kurjuż fuq kollox, kien jersaq fuq il-bniedem komuni b’umiltà kbira u jħares lejh bħala injorant imma bħal dak li jġorr fih “l-għerf bla miktub ta’ missirijietna”. Kien dan li ressqu l-ewwel għall-istudju tal-mediċina popolari imbagħad lejn id-drawwiet, l-għana, u t-tradizzjoni orali inġenerali.

Manwel Mifsud: 6.10.22

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s