Tridx Immorru Żepp? I Alex Vella Gregory

Nhar il-Ħamis 15 ta’ Diċembru 2022, fis-6.00pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Dr Alexander Vella Gregory se jagħmel taħdita dwar l-għanjiet Maltin tal-Milied bl-isem ta’ “Tridx Immorru Żepp?”

Din it-taħdita se tkun miftuħa għal kulħadd u se tintwera wkoll diretta fuq Zoom u Facebook bħala parti mill-proġett tad-Dipartiment tal-Malti fuq It-Tradizzjoni Orali.

Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u Klabb Kotba Maltin.

Ġużeppi Zammit minn Birkirkara li jiftakar għadd ta’ għanjiet tal-Milied minn tfulitu

Jekk tistaqsi lil xi ħadd għal għanja tal-Milied Maltija, l-ewwel li ma jsemmi hi “Ninni la Tibkix Iżjed.” Iżda aktarx jieqaf hemm. Ħafna mill-innijiet tal-Milied li nafu llum huma traduzzjonijiet ta’ għanjiet barranin, ħafna minnhom ta’ natura kummerċjali. In-natura popolari ta’ dawn l-għanjiet tagħmilha diffiċli ħafna għar-riċerkaturi sabiex jistħarrġu aktar fuq dan is-suġġett għaliex jiddependi ħafna fuq it-trażmissjoni orali.

B’xorti tajba fl-2016 Alexander Vella Gregory iltaqa’ ma’ Ġużeppi Zammit minn Birkirkara li għaddielu għadd ta’ għanjiet tal-Milied li baqa’ jiftakar minn tfulitu. Minn hemm beda vjaġġ ċkejken fl-istorja u n-nostalġija li joffri lemħa rari fuq għanjiet tal-Milied li kienu kważi intesew. Din it-taħdita hi l-istorja ta’ Ġużeppi, u l-għanjiet sempliċi u mqanqla tiegħu.

Alexander Vella Gregory

Dr Alexander Vella Gregory huwa kompożitur, mużiċist, u riċerkatur. Għandu dottorat fil-mużika minn Edinburgh Napier University, fejn ħadem fuq il-kompożizzjoni u n-narrattivi komunitarji marbuta mal-Belt Valletta. L-interessi tiegħu huma mifruxa, iżda kemm fix-xogħol kreattiv tiegħu kif ukoll fir-riċerka akkademika jagħti attenzjoni partikolari lill-istejjer, il-komunitajiet u l-identità. Dan hu rifless fil-proġetti tiegħu li jinkludu Il-Ħajja Stramba ta’ Betta Caloiro (2022), kunċert ambulanti mal-kor Cappella Sanctae Catharinae fil-palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, u Qamar|Qabar (APS Summer Festival, 2022), kunċert multimedjali dwar l-identità Maltija permezz ta’ testi, mużika oriġinali, u interventi viżwali minn Austin Camilleri. Proġetti oħrajn jinkludu Ritwali (2021), proġett dwar ir-ritwali komunitarji reliġjużi ġewwa Malta, u Minn Fuq l-Ispalla (2021), proġett ta’ ġbir dwar it-taqbil tal-festi maħdum flimkien mad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s