All posts by yanikaschembrifava

Intervista ma’ Guido Lanfranco

Nhar it-Tlieta 4 ta’ Lulju 2017, Yanika Schembri Fava, bl-għajnuna ta’ Dr Adrian Grima, intervistat lil Guido Lanfranco dwar it-tradizzjonijiet orali Maltin fid-dar tiegħu f’Tas-Sliema. Il-filmat tal-intervista nġibed minn Kevin Kiomall.

Segwi l-filmat: Intervista ma’ Guido Lanfranco dwar it-tradizzjonijiet Maltin

Yanika Schembri Fava, assistenta riċerkatriċi fil-proġett dwar It-Tradizzjoni Orali ffinanzjat minn fond għar-riċerka fi ħdan l-Università ta’ Malta, staqsiet lis-Sur Lanfranco:

  • kif u minn fejn beda l-interess fil-folklor
  • x’jifhem bi tradizzjoni orali u x’inhuma l-oqsma li jinkludi fiha
  • jekk jaħsibx li dan il-wirt qiegħed jintilef u għaliex
  • x’nistgħu nagħmlu biex inżommu dan il-wirt ħaj
  • kif jirnexxilu jsib taqbiliet ġodda/varjanti, drawwiet eċċ: jekk hux billi josserva biss jew imur jistaqsi direttament lill-bdiewa, tfal eċċ.
  • x’mezzi juża biex jippreserva dak li jara jew jisma’: kitba, tpenġija, rekording eċċ. (forsi jurina xi xogħol)
  • xi sfidi jiltaqa’ magħhom meta jiġi biex jistaqsi lin-nies, speċjalment lil persuni li ma jafx.
  • x’inhuma l-oqsma li jaħseb li għandna naħdmu fuqhom l-iktar u kif
  • x’inhi il-metodoloġija li normalment juża meta jintervista lin-nies hu
  • lil min jissuġġerixxi li nintervistaw biex inkomplu nistħarrġu t-tradizzjonijiet orali f’Malta
  • ​min kienu r-riċerkaturi Maltin u barranin li influwenzawh l-aktar
  • ​kif jista’ jgħinu d-Dipartiment tal-Malti fix-xogħol tiegħu u fit-tixrid u l-promozzjoni tax-xogħol u r-riċerka li għamel hu​

Adrian Grima staqsa lil Guido Lanfranco dwar il-versi popolari tan-nisa, li r-riċerkatur sejħilhom “għana tad-dar” jew “tal-banju”.

Yanika Schembri Fava staqsiet lis-Sur Lanfranco wkoll dwar is-sehem tiegħu bħala riċerkatur tat-tradizzjonijiet orali fil-mezzi tax-xandir, il-gazzetti, ir-radju u t-televiżjoni, u dwar ir-riċerka li qed jagħmel bħalissa.

Guido Lanfranco qalilna li għandu tliet kotba lesti għall-pubblikazzjoni u li għadda l-materjal awdjoviżiv tiegħu lill-Mużew tal-Etnografija tal-Birgu.

Ritratti meħudin minn Adrian Grima

 

Bejn Storja u Stejjer: Il-Kapitlu Gonzi

It-Tlieta 24 ta’ Marzu 2020, kellha ssir it-taħdita ta’ Sergio Grech “Bejn Storja u Stejjer: Il-Kapitlu Gonzi“. Sfortunatamanet, minħabba l-imxija tal-Coronavirus, se jkollna nħassruha.

Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

It-taħdita se tiffoka fuq l-istejjer marbuta mal-Arċisqof Gonzi li mexxa d-djoċesi ta’ Malta bejn l-1944 u l-1976 – żmien mill-iktar imqalleb fl-istorja nazzjonali. Bħala parti mid-dottorat, Sergio Grech intervista madwar mitt persuna, ħafna minnhom saċerdoti, biex jikseb aktar tagħrif dwar l-Arċisqof Mikiel Gonzi. Minn dawn l-intervisti ħarġu għadd ta’ stejjer fuq l-Arċisqof Gonzi, figura ironikament qsajra, li madankollu, il-persuni intervistati bdew ipinġuh bħala persuna kbira, persuna li d-djoċesi qatt ma rat bħalha u fi kliem wieħed minnhom “kapitlu irrepetibbli”. It-taħdita se timraħ qalb dawn l-istejjer u se tagħżel u tifred l-impċajpar miċ-ċar u fuq kollox tevalwa permezz tat-Tradizzjoni Orali kif il-poplu ħares lejn dan l-isqof ewlieni tas-seklu 20.

Sergio Grech twieled iż-Żejtun fl-1975. Studja l-Istorja fl-Università ta’ Malta minn fejn kiseb il-Baċellerat bl-Unuri, PGCE u Maġisteru. Barra minn hekk, qed jaħdem fuq id-dottorat fl-Istudji Maltin. Fis-sena 2004, ippubblika l-bijografija Patri Feliċjan Bilocca Ħajtu u Żminijietu 1914-1987. Fl-2010, ħareġ ir-rumanz Il-Lejl tal-Irġulija. Tliet snin wara editja l-ktieb Duminku Mintoff Bejn Storja u Miti Ġabra ta’ Kitbiet Dwaru fejn grupp ta’ ħassieba ta’ fehmiet differenti analizzaw dan il-politiku kumpless Malti. Fl-2013 ippubblika l-bijografija tat-Tabib Alexander Cachia Zammit. Ħareġ ukoll il-bijografija ta’ Anton Tabone, l-eks Ministru ta’ Ghawdex. Editur tas-sensiela Bejn Storja u Miti li barra l-ktieb ta’ Mintoff ħarġu volumi dwar Herbert Ganado, Eddie Fenech Adami, Monsinjur Victor Grech, Fr Hilary Tagliaferro, Mabel Strickland u Marie-Louise Coliero Preca.

Irriċerka f’diversi arkivji lokali u barranin fosthom: The National Archives of the United Kingdom (Kew), il-BBC Written Archives Centre ta’ Caversham Park, (Reading), l-Arkivju Nazzjonali ta’ Malta, l-Arkivji tal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista u l-Arkivji tal-għaqdiet reliġjużi lokali.

Xandar ta’ għadd kbir ta’ programmi b’xeħta kulturali fuq Ir-Radju tal-Università, Campus FM, FM Bronja, Radju Malta, TVM, Eden FM u Education 22. Fundatur tal-grupp letterarju Poeżijaplus u kien l-ewwel Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Fil-preżent huwa impjegat bħala Assistent Kap ta’ Skola Primarja.

 

Minn ta’ min int? Analiżi Lingwistika tal-Laqam Personali

Screen Shot 2019-12-05 at 12.11.08

Nhar it-Tlieta 17 ta’ Diċembru 2019, fis-6.00pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Abigail Deguara se tagħmel taħdita dwar “Minn ta’ min int? Analiżi Lingwistika tal-Laqam Personali”.

Din se tkun il-ħames attività mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali, proġett immexxi mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta bil-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u bl-appoġġ tal-Klabb Kotba Maltin.

Din it-taħdita hija dwar il-laqmijiet ta’ individwi u familji Maltin; tikketti li għal xi wħud huma ħelwin u għal oħrajn imbarazzanti, imma li lkoll ifakkru ħsibijiet antiki li baqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra bil-fomm. Ħafna studjużi Maltin isemmuhom fix-xogħlijiet tagħhom però ftit li xejn jiffukaw fuq aspetti formali bħal kif jinbnew u x’tip ta’ struttura jista’ jkollhom. Għal din ir-raġuni, l-istudju li għamlet Abigail Deguara jħares lejn numru ta’ laqmijiet minn perspettiva lingwistika, janalizza l-binja tagħhom u jikklassifikahom skont għadd ta’ kriterji. B’hekk it-taħdita mhux biss se tagħti informazzjoni ġenerali dwar il-laqmijiet personali imma se tiffoka wkoll fuq l-elementi varji li jsawruhom.

Abigail Deguara, għandha 21 sena u toqgħod il-Mosta. Tħobb iżżomm ruħha impenjata matul il-ġurnata u għandha għal qalbha l-ivjaġġar, u t-tagħlim. Din is-sena għadha kemm lestiet il-kors tal-Baċellerat fl-Arti bl-Unuri fil-Malti u issa tinsab eċitata sabiex tara fejn se jwassalha l-vjaġġ tal-Masters fit-tagħlim.

Seħer il-Malti fit-Toponomastika: is-Sorsi Orali

Screen Shot 2019-11-11 at 00.07.02

Nhar it-Tlieta 12 ta’ Novembru 2019, fis-6.00pm, fis-Sala tal-Perjodiċi tal-librerija tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Simon Salafia se jagħmel taħdita dwar Seħer il-Malti fit-Toponomastika: is-Sorsi Orali.

Din se tkun ir-raba’ attività mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali, proġett immexxi mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta bil-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u bl-appoġġ tal-Klabb Kotba Maltin.

Screen Shot 2019-11-11 at 00.06.41It-taħdita tikkonsisti fi tliet partijiet. L-ewwel parti tagħti ħarsa ġenerali lejn it-toponimi, l-iktar fil-kuntest lokali. It-tieni taqsima tiffoka fuq kif dawn l-ismijiet tal-imkejjen jikxfu, jew jagħtu ħjiel, ta’ kliem Malti li llum ma għadux jintuża. F’din il-parti se jissemmew ukoll ismijiet ta’ persuni li huma wkoll toponimi imma jissejħu antroponimi, u li ma tantx huma magħrufa. Dawn huma ismijiet ta’ xeħta Għarbija, Katalana, Spanjola, Sqallija, u Maltija. L-aħħar taqsima tħares lejn l-importanza tas-sorsi orali, u kif dawn għenu biex tingħata tifsira lil xi toponimi, kif ukoll xeħtu dawl fuq toponomi oħra li mhumiex iddokumentati.

Screen Shot 2019-11-05 at 16.03.55.png

Simon Salafia, studja fl-iskola tal-Gvern tar-Rabat u fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi. Huwa kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa fl-Inġinerija Elettrika u studja l-Ispanjol fl-Università ta’ Salamanca. Għallem l-Ispanjol fiċ-ċentru kulturali Spanjol-Malti, fl-iskejjel tal-Gvern, u fl-Università ta’ Malta. L-interessi u l-passatempi ewlenin tiegħu huma l-ivvjaġġar, u l-Istorja u l-kultura Maltija, l-aktar il-perjodu Medjevali u t-toponomastika. Huwa wkoll gwida liċenzjat u interpretu professjonali.


 

Techniques and Methods for Collecting Oral Tradition

Nhar it-Tnejn, 10 ta’ Ġunju 2019, fl-10:00 am, fil-kamra VC102 fil-binja tal-IT Services tal-Università ta’ Malta, Dr. Óscar Abenójar se jagħti taħdita dwar Techniques and Methods for Collecting Oral Tradition. Din it-taħdita se ssir bl-Ingliż u hija mmirata għal riċerkaturi u studenti li qed/se jaħdmu fuq qasam mit-tradizzjoni orali.

Dr. Óscar Abenójar għandu dottorat fil-letteratura komparata u speċjalizza fin-Narrattiva u l-Etnografija Orali.  Abenójar jgħallem il-Letteratura Ispanika fl-Università tal-Istudji Barranin ta’ Hankuk (Seoul, ir-Repubblika tal-Korea) u għandu bosta pubblikazzjonijiet marbuta mal-qasam tat-tradizzjoni orali, fosthom: Cuentos populares de la Cabilia (2014); La hermosa Ilona: antología de baladas populares húngaras (2014); La princesa cautiva y el pájaro del viento: mitos y cuentos del norte de Argelia (2015), u La grandas de oro y otros cuentos tradicionales del oasis del Mzab (Argelia) (2016).


 

Gaetano Kanta u l-Kanzunetta Popolari

Isma’ l-intervista ta’ Theresa Gauci fil-programm Rokna Kulturali fuq Radju Malta li xxandret it-Tnejn, 6 ta’ Mejju 2019:

Nhar it-Tlieta, 7 ta’ Mejju 2019, fis-6.00pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Università ta’ Malta Dorothy Bezzina se tagħmel taħdita dwar Gaetano Buttigieg u l-Kanzunetta Popolari bħala parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Fakultà tal-Università ta’ Malta. Din it-taħdita hija miftuħa għal kulħadd u d-dħul huwa b’xejn.

Gaetano Buttigieg 1

Gaetano Buttigieg 2Gaetano Buttigieg (1923-2004) huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa esponenti tal-użu ta’ lsienna fil-qasam tal-kanzunetta popolari. Fi żmien li fih il-Malti kien jitqies aħrax wisq għall-kanzunetti minn bosta, huwa għaraf iħaddem tajjeb il-kelma fil-lirika li kien jadatta għall-melodiji Taljani u Ingliżi li kienu jolqtuh. Il-ħila tiegħu li jikteb b’ħeffa tal-għaġeb, filwaqt li jipproduċi versi mill-aktar melodjużi, fetħitlu quddiemu t-triq tas-suċċess u wasslitu fost numru kbir ta’ familji Maltin li kienu qegħdin jieħdu gost ikantaw l-istili ta’ żmienhom bil-lingwa tagħhom.

Minkejja li Gaetano kiteb għadd kbir ta’ liriċi, uħud minnhom stampati fl-għoxrin ktieb li GB Pubblikazzjonijietppubblika, in-nuqqas ta’ rikordings disponibbli għall-pubbliku, sfortunatament, wassal biex ix-xogħol tiegħu jisfa midfun taħt mewġiet mużikali oħra li maż-żmien sfruttaw il-mezzi ġodda ta’ pubblikazzjoni, propaganda u tixrid tal-prodott tagħhom. Għalhekk, minbarra li t-taħdita se tfakkar il-memorja u tiffoka fuq il-ħidma ta’ Buttigieg billi tqegħedha fil-kuntest ta’ żmienha, għandha toffri lil min jattendi l-opportunità li jisma’ u japprezza siltiet li qed jerġgħu jieħdu l-ħajja wara tant snin.

Dorothy BezzinaDorothy Bezzina għandha għal qalbha l-mużika u l-Malti. Dan l-aħħar għadha kemm temmet l-istudji tagħha fil-grad ta’ MA fil-qasam tal-kanzunetta popolari mad-Dipartiment tal-Malti. Hija kisbet ukoll Baċellerat fil-Malti u fl-Ingliż, Diploma Postgradwatorja fl-Interpretazzjoni, u PGCE mill-Università ta’ Malta, kif ukoll MA fl-Ingliż mill-Università ta’ Nottingham.

Serviet ukoll bħala Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Malti – Università, u fil-preżent tgħallem il-Malti lil studenti mill-ewwel sal-ħames sena sekondarja fil-Kulleġġ Savio. Dorothy stabbilixxiet ruħha wkoll fix-xena mużikali. Hija tistudja l-vuċi klassika taħt id-direzzjoni tas-Sopran Miriam Cauchi u hija kantanta versatili, bi flessibbiltà li tippermettilha tkanta ġeneri differenti. Ħadet ħsieb id-direzzjoni artistika ta’ diversi kunċerti, fosthom Dari Niftakar, b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Manoel, bl-għan li terġa’ toħroġ għad-dawl il-lirika li kiteb Gaetano Buttigieg fuq melodiji popolari tal-ħamsinijiet u s-sittinijiet. Ħadet sehem f’diversi kunċerti annwali u kommemorattivi mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u l-Valletta International Baroque Ensemble, kif ukoll f’kunċerti privati u serati mużiko-letterarji. Gawdiet ukoll minn numru ta’ opportunitajiet barra minn Malta, fosthom fi Spanja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju u r-Royal Albert Hall f’Londra, akkumpanjata mill-Orkestra Filarmonika Rjali.

Mostri Maltin

Nhar it-Tlieta 5 ta’ Novembru 2019, fis-6.00 pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, tal-Qroqq, Il-bijologu Stephan D. Mifsud, awtur ta’ The Maltese Bestiary, se jagħmel taħdita bil-Malti dwar il-mostri tal-folklor Malti. Din se tkun attività oħra mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali, proġett tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta li issa daħal fir-raba’ sena tiegħu u qed isir bil-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u bl-appoġġ tal-Klabb Kotba Maltin.

Image result for the maltese bestiary

Fost il-karattri, il-ħlejjaq u l-flora straordinarja fit-tradizzjoni orali Maltija, dawk li joħolqu l-iktar interess huma dawk li jbeżżgħu: il-mostri. Din it-taħdita se tħares lejn dawn il-ħlejjaq li jeżistu, jew li kienu jgħixu, fil-fantasija tal-poplu Malti, kemm jekk oriġinaw min-natura, u kemm jekk nibtu f’moħħ il-Maltin jew il-barranin.

xifajk
Tpinġija ta’ Stephan D. Mifsud

Fit-taħdita l-kelliem se jistaqsi jekk nistgħux nikklassifikaw dawn il-mostri fi gruppi, bħalma nagħmlu fil-bijoloġija. It-taħdita se tħares ukoll lejn kif fil-passat il-ġens Malti ddeskriva dawn il-mostri b’mod viżiv fil-bestjarji, fl-arkitettura u fil-pittura.

Stephan D. Mifsud.jpgStephan D. Mifsud hu l-awtur tal-ktieb The Maltese Bestiary ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2014 u rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-aħjar disinn. Stephan Mifsud huwa bijologu, b’interess kbir fil-pjanti strambi u fl-annimali estinti, u fil-mostri u fil-kreaturi li joħorġu minn moħħ il-bniedem u li nsibu fil-leġġendi u fil-fantasija.


um-tradizzjoniorali-19-square-1-3

Public Talk in Maltese on Fearful Maltese Beasts

On Tuesday 5 November 2019, at 6.00 pm in the Library of the Faculty of Arts at the University of Malta in Tal-Qroqq, biologist Stephan D. Mifsud, author of The Maltese Bestiary, will give a public talk in Maltese on the beasts that appear in Maltese folklore. This event is part of this year’s series of talks hosted by the Department of Maltese at the University for its project on Oral Traditions. This project is supported by the Research Fund of the University and Klabb Kotba Maltin.

Although there were various wonderful entities and fantastic creatures that populated traditional folklore and local superstition, it is still the fearful beasts that capture the imagination of Maltese audiences. In this presentation, Stephan D. Mifsud will dissect the terrible monsters that haunted the Maltese mind, whether they originated from nature, from local culture or from other nations.

The talk will focus on the various ways, biological or otherwise, in which we can classify these monsters. The speaker will also discuss the ways in which these fearful beasts were described in oral traditions and in visual representations.

Stephan Mifsud is the author of The Maltese Bestiary, an illustrated guide to the mythical flora and fauna of the Maltese islands published by Merlin Publishers in 2014 and winner of the National Book Prize for Best Book Design. He is a biologist by profession with an abnormal interest in bizarre plants and extinct animals, and an unnatural fascination with the monsters and creatures that spew from the human mind in myth and fantasy. Unfortunately diving, painting, gardening, researching and video gaming leave too little time for his other passion: writing.


 

Il-Ħrejjef li Rrakkontawli fi Tfuliti

Rita.jpgNhar it-Tlieta 26 ta’ Frar 2019, fis-6.00pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Rita Saliba se tagħmel taħdita li fiha tirrakkonta l-ħrejjef li rrakkontawlha fi tfulitha, bħala parti mill-proġett dwar It-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università. Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn. Il-pubbliku huwa mistieden jipparteċipa, jiftakar u jirrakkonta ħrejjef mit-tfulija.

Rita SalibaRita Saliba se tirrakkonta t-trobbija tagħha qalb il-ħrejjef li kienu jgħidulha: minn stejjer popolari sa oħrajn biex jgħaddulha messaġġ jew tagħlima; minn ħrejjef ta’ rġejjen u bhejjem u siġar imsaħħra. Madankollu, aktar mir-rakkont innifsu, se turi kif dawn l-istejjer baqgħu jduru ġo rasha anki wara li spiċċat l-istorja.

Rita Saliba se tispjega kif fihom sabet kultura ta’ komunità, ta’ biżgħat fi żmien ta’ bombardamenti mill-ajru u ta’ dak li tistħajjel tifla fid-dinja reali. F’din it-taħdita se joħorġu wkoll xi varjanti ta’ rakkuntar popolari permezz ta’ xhieda ħajja mir-raħal li trabbiet fih Saliba, l-Imqabba.

Rita SalibaRita Saliba hija kittieba magħrufa għal-letteratura għat-tfal u għall-adolexxenti. Madankollu, tħobb tikteb ukoll għall-adulti.

Hija rebħet il-Konkors Nazzjonali ta’ kitba għaż-żgħażagħ u l-adolexxenti tliet darbiet bir-rumanzi tagħha Inżul ix-Xemx (2011), Bella Berger (2013) u Il-Kulur tal-lellux (2016). Ħarġet l-ewwel ġabra ta’ novelli tagħha, Satin, fl-2014 (innominat għall-Premju tal-Ktieb). Ġabra oħra ta’ novelli, Damask, ħarġet fis-sajf tal-2017, u l-aħħar ġabra tagħha ta’ novelli għall-adulti, Ħjut ħarġet fl-2018. Dan l-aħħar ħarġu wkoll l-ewwel tliet kotba mis-sensiela dwar karattru simpatku, Gabrijel irid misluta, Gabrijel u t-tikek u Il-flokk tar-rokit (2018).

Saliba rebħet it-tieni premju fil-kategorija Poeżiji bl-Ingliż u kisbet ir-raba’ post fil-kategorija Poeżiji bil-Malti, f’konkors imniedi mill-Għaqda Poeti Maltin u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għall-festival tal-ktieb tal-2018.


 

Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom

Ara din l-intervista fuq TVM 

Nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Frar 2019, fis-6.00pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Dr Steve Borg se jagħmel taħdita dwar ir-riċerka li ppubblika f’żewġ volumi ta’ kotba, Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom, bħala parti mill-proġett dwar It-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università. Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn. Waqt it-taħdita se jkun hemm iż-żewġ volumi għall-bejgħ.

It-taħdita se tiffoka fuq riċerka li bdiet fl-1999 li tikxef l-għemil, l-ambitu soċjokulturali Malti u l-istorja ta’ għadd ta’ Malt20170401_125653in intervistati minn Dr Borg fuq medda ta’ ħafna snin. Huwa se jispjega l-għażla tal-persuni intervistati, il-binja u l-istruttura tal-intervisti, u kif wara kien jagħżel il-kontenut biex jerġa’ jintervista lill-istess persuna.

Fost oħrajn, se jitkellem dwar diversi sfidi li ltaqa’ magħhom matul ir-riċerka, ngħidu aħna, konsiderazzjonijiet etiċi u n-nisġa ta’ dak kollu li ddokumenta f’rakkont li jżomm il-qarrejja jaqraw in-narrattiva mingħajr kliem li jżarżar il-widnejn. Barra minn hekk, Steve Borg se juri kemm fadal materjal orali x’jinġabar minn fomm rakkontaturi minn kull rokna tal-gżejjer Maltin.

steve borg_kemmunaDr Steve Borg studja fl-Università ta’ Malta, l-Università ta’ Northumbria u l-Università ta’ Hull. Huwa magħruf sew għall-pożizzjonijiet attivi fid-difiża tal-ambjent naturali u l-wirt kulturali Malti, u l-promozzjoni tal-lingwa Maltija u l-mużika Maltija.

Fost oħrajn, serva bħala segretarju tal-Malta Heritage Trust u Fondazzjoni Wirt Artna. Salva ħafna siti storiċi minn degradazzjoni jew demolizzjoni arkitettonika, speċjalment fil-Kalkara, f’Marsaskala u f’tas-Sliema. Ipproduċa u ppreżenta tliet sensiliet televiżivi fuq l-istazzjon nazzjonali. Fl-2000 waqqaf il-grupp folkloristiku modern, Etnika, wara li identifika l-eqdem melodiji folkloristiċi ta’ Malta fl-Università ta’ King’s College f’Londra. Fl-2001 Steve Borg u Etnika rebħu l-Premju tal-Mużika ta’ Malta għall-Kisba Kulturali. Fost diversi suċċessi fil-produzzjoni mużikali, fl-2009 Borg ipproduċa album bil-Malti bl-isem Ommi b’kompożizzjoni ta’ Dominic Galea li jinvolvi 14-il mużiċist ieħor, fosthom Ġorġ Curmi, Sammy Murgo, Pawlu Borg u Walter Vella. Fl-2013, flimkien ma’ Dominic Galea, ipproduċa l-album Taqbila, li jinkludi 17-il taqbila tat-tfal mill-perjodu ta’ qabel il-gwerra. Barra minn hekk, f’Jannar tal-2014 ipproduċa wkoll  l-album Hawn Jien ta’  Corazón Mizzi.steve borg and leli muscat discussing reel collection february 2012

Steve Borg kiteb xogħlijiet etnografiċi bbażati fuq riċerka magħmula fuq medda ta’ 14-il sena permezz ta’ xhieda orali fuq il-poplu Malti. L-ewwel volum ta’ Il-Maltin: għemilhom, drawwiethom, ġrajjiethom ġie ppubblikat fl-2017 minn Klabb Kotba Maltin u ntgħażel għall-Premju tal-Ktieb tas-Sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, filwaqt li t-tieni volum tnieda f’Novembru tal-2018.