Nhar it-Tlieta, 23 ta’ Ottubru, 2018, fis-6.00pm, Christabel Caruana u Jolene Spiteri Colombo se jagħmlu taħdita fis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali, l-Università ta’ Malta, dwar, “Il-Ħrejjef ta’ Manwel Magri.” Din it-taħdita hija miftuħa għal kulħadd u se ssir fis-Sala tal-Perjodiċi tal-Librerija ċentrali tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq.
Waqt din it-taħdita se jiġu diskussi l-aspetti allegoriċi flimkien mal-element maġiku li jsawru l-ġeneru orali u didattiku tal-ħrafa. Waqt it-taħdita se jkun hemm referenza kontinwa għal waħda mill-eqdem ġabriet tal-ħrejjef Maltin, dik ta’ Patri Manwel Magri bit-titlu Ħrejjef Missirijietna. Għalkemm il-ħrejjef Maltin oriġinaw mill-fomm, f’kuntest Malti illitterat, l-istruttura tal-ħrafa u l-mekkaniżmi mnemoniċi u letterarji tagħha xorta waħda nħadmu b’metodi pjuttost preċiżi u bl-iskop li tgħallem valuri morali filwaqt li tagħti pjacir lil min jismagħha. Kif se jintwera, uħud minn dawn ix-xejriet għenu ħafna biex il-ħrejjef jiġu ppreservati għal ġenerazzjonijiet sħaħ minn missirijietna. Permezz tal-allegorija, għodda letterarja antika ħafna, oġġetti inanimati, annimali, u xbihat astratti jaddottaw ħiliet antropomorfiċi. Minn banda l-oħra, permezz tal-element maġiku u ġieli okkult, li joħroġ il-għaġeb u jqajjem kurżità bil-proċedimenti affaxxinanti tiegħu, dawn il-figuri antropomorfiċi jsiru dejjem aktar straordinarji, entitajiet maġiċi u supranaturali li bihom jitwettaq l-impossibbli biex l-għan tal-protagonist jirnexxi.
Imma l-allegorija u l-maġija kif jistgħu jitwaħħdu flimkien? X’hemm komuni fihom u x’hemm li jiddistingwihom minn xulxin? U kif dawn l-elementi apparentament distinti minn xulxin jaħdmu fi ħrafa? X’jagħmilhom speċjali anki għal xulxin, bħala effett reċiproku fi ħrafa waħda? Il-ħrafa mingħajr is-sehem konġunt tal-allegorija u l-maġija jibqa’ jkollha l-istess qawwa?
Christabel Caruana, tfajla ta’ 22 sena minn Birżebbuga, taspira li ssir għalliema tal-Malti. Sa minn età żgħira kellha mħabba kbira lejn il-lingwa Maltija, għalhekk l-għażla biex tkompli tistudja u tistħarreġ din il-lingwa ġietha naturali. Fl-2017 gradwat bil-grad tal-Baċellerat tal-Malti bl-Unuri. Bħalissa hi qiegħda fit-tieni sena tal-Masters in Teaching and Learning bl-għan li twettaq il-ħolma tagħha u ssir għalliema tal-Malti. Il-ħrejjef minn dejjem kienu għal qalbha, għalhekk fit-teżina tal-B.A., hija wriet ix-xewqa li tirriċerka l-forom u l-funzjoni tal-allegorija fil-ħrejjef ta’ Manwel Magri. Il-ħolma tagħha hija li fil-futur tagħti kontribut lil-lingwa Maltija filwaqt li tħeġġeġ aktar nies japprezzaw il-valur tal-lingwa u jsiru jħobbuha bħalha.
Jolene Spiteri Colombo, għandha 23 sena minn San Gwann u hija studenta universitarja. Fl-2014 ddeċidiet li tagħmel Baċċellerat fl-Arti fil-Malti u l-Psikoloġija u li eventwalment kompliet għal Malti Unuri. Din l-għażla għenitha biex tkompli tkabbar imħabbitha għal-lingwa nattiva u żżid l-interess tagħha fil-letteratura Maltija b’ħidma kontinwa speċjalizzata fit-tradizzjoni orali permezz tat-teżi tagħha bit-titlu “L-Element Maġiku fil-Ħrejjef ta’ Manwel Magri: Kważi u Effetti.” Dan il-ġeneru orali mfakkar kien jaffaxxinaha sa mit-tfulija tagħha, minn meta kienet bdiet tisma’ u taqra għall-ewwel darba l-ħrejjef tas-seħer. Hija ggradwat f’Novembru tal-2017 b’Baċċellerat fl-Arti fil-Malti (Unuri). Attwalment, qiegħda fit-tieni sena tal-kors tal-Masters in Teaching and Learning bil-mira li tilħaq għalliema tal-Malti.