L-GĦANQBUT TAT-TIFSIR LI NSIĠNA – ĦARSA LEJN IL-METODU ETNOGRAFIKU – Michael Deguara

Tliet sessjonijiet li se jsiru t-Tlieta 6, 13 u 20 ta’ Marzu 2018, dejjem fis-6.00pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq


L-Ewwel Sessjoni: “Il-kobba mħabbla”

It-Tlieta, 6 ta’ Marzu, 6.00pm, il-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq

image
Franz Boas iwettaq rappreżentazzjoni ta’ ċerimonja Kwakiutl

Inħarsu lejn l-etnografija u l-wirt imħallat li l-istorja għażlet li tħalli lil din id-dixxiplina mogħnija b’dilemmi. Hawn il-vjaġġ tal-etnografu jinsab dejjem bejn ħalltejn – bejn il-kolonjaliżmu u l-postkolonjaliżmu, bejn dak li hu stramb u “eżotiku” u dak li huwa familjari, bejn l-ispeċifiku u l-ġenerali, bejn in-narrattiva u l-għerf enċiklopediku, bejn it-tradizzjoni u l-globalizzazzjoni, bejn il-preżent etnografiku fiss u l-bidla dinamika kontinwa.


It-Tieni Sessjoni: “Il-kaxxa tal-għodda”

It-Tlieta, 13 ta’ Marzu, 6.00pm, il-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq

image (1)
Margaret Mead mal-informanti prinċipali tagħha f’Samoa

L-etnografu wasal max-xatt iżda għad irid isib triqtu qalb labirint ta’ tifsir u prattika soċjali li – irrispettivament minn jekk hux qiegħed in-naħa l-oħra tad-dinja jew f’daru stess – irid jara b’għajnejn ġodda. Inħarsu lejn l-għodod li nistgħu nużaw biex inħarsu lejn l-għanqbut ta’ tifsir b’perspettiva differenti.


It-Tielet Sessjoni: “Il-pinna, il-klamar u l-mera”

It-Tlieta, 20 ta’ Marzu, 6.00pm, il-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq

image (2)
Stephen Tyler medhi fil-kitba tiegħu, b’maktur man-nuċċali biex iservi ta’ paraventu għad-dinja ta’ madwaru

Hawnhekk inħarsu lejn il-proċessi li jwasslu mill-osservazzjoni parteċipatorja għall-kitba, mill-ġbir ta’ materjal għall-analiżi. Madankollu, apparti l-pinna u l-klamar, għandna bżonn ukoll mera biex napplikaw il-prinċipju tar-riflessività – dak li bih naraw li l-għanqbut ta’ tifsir ma ntisiġx biss min-nies li aħna osservajna, iżda li waqt li nosservaw, niġbru l-materjal u niktbu l-analiżi tagħna, aħna wkoll qegħdin ninsġu għanqbut ta’ tifsir.


Nota dwar l-istampi

Ma’ kull sessjoni hemm marbuta stampa u deskrizzjoni.  L-istampi magħżula mill-annali tal-antropoloġija klassika, u għandhom doża ta’ ironija fihom li nistgħu nesploraw fis-sessjonijiet.


Michael Deguara photo (1).jpg

Michael Deguara qed jagħmel riċerka dwar il-parteċipazzjoni tal-komunità u l-aċċessibilità fil-Programm Valletta 2018.  Minħabba li jbati b’kurżità qawwija dwar l-istramberija tal-prattika soċjali, Michael studja l-Antropoloġija fl-Università ta’ Malta u ggradwa b’teżi dwar persuni bla dar.  Fl-2007, temm b’suċċess MPhil fl-Analiżi Antropoloġika Soċjali fl-Università ta’ Cambridge, fejn studja l-qawmien ta’ interess popolari fil-mużika, żfin u ritwali ta’ fejqan tradizzjonali fl-Italja ta’ isfel.  Din ir-riċerka tħares lejn kif avvenimenti kulturali jiġġeneraw sens ta’ “riflessività soċjali”, fejn persuni joħolqu identitajiet permezz tar-riflessjoni u l-kritika.

Michael preżentament jaħdem fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol u jgħallem fl-Università ta’ Malta.  Huwa wkoll involut f’kampanji favur il-ħarsien ta’ wirt arkeoloġiku.

Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta

%d bloggers like this: