Gaetano Kanta u l-Kanzunetta Popolari – Dorothy Bezzina

Nhar it-Tlieta, 7 ta’ Mejju 2019, fis-6.00pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Università ta’ Malta Dorothy Bezzina se tagħmel taħdita dwar Gaetano Buttigieg u l-Kanzunetta Popolari bħala parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Fakultà tal-Università ta’ Malta. Din it-taħdita hija miftuħa għal kulħadd u d-dħul huwa b’xejn.

Gaetano Buttigieg 1

Gaetano Buttigieg 2Gaetano Buttigieg (1923-2004) huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa esponenti tal-użu ta’ lsienna fil-qasam tal-kanzunetta popolari. Fi żmien li fih il-Malti kien jitqies aħrax wisq għall-kanzunetti minn bosta, huwa għaraf iħaddem tajjeb il-kelma fil-lirika li kien jadatta għall-melodiji Taljani u Ingliżi li kienu jolqtuh. Il-ħila tiegħu li jikteb b’ħeffa tal-għaġeb, filwaqt li jipproduċi versi mill-aktar melodjużi, fetħitlu quddiemu t-triq tas-suċċess u wasslitu fost numru kbir ta’ familji Maltin li kienu qegħdin jieħdu gost ikantaw l-istili ta’ żmienhom bil-lingwa tagħhom.

Minkejja li Gaetano kiteb għadd kbir ta’ liriċi, uħud minnhom stampati fl-għoxrin ktieb li GB Pubblikazzjonijietppubblika, in-nuqqas ta’ rikordings disponibbli għall-pubbliku, sfortunatament, wassal biex ix-xogħol tiegħu jisfa midfun taħt mewġiet mużikali oħra li maż-żmien sfruttaw il-mezzi ġodda ta’ pubblikazzjoni, propaganda u tixrid tal-prodott tagħhom. Għalhekk, minbarra li t-taħdita se tfakkar il-memorja u tiffoka fuq il-ħidma ta’ Buttigieg billi tqegħedha fil-kuntest ta’ żmienha, għandha toffri lil min jattendi l-opportunità li jisma’ u japprezza siltiet li qed jerġgħu jieħdu l-ħajja wara tant snin.

Dorothy BezzinaDorothy Bezzina għandha għal qalbha l-mużika u l-Malti. Dan l-aħħar għadha kemm temmet l-istudji tagħha fil-grad ta’ MA fil-qasam tal-kanzunetta popolari mad-Dipartiment tal-Malti. Hija kisbet ukoll Baċellerat fil-Malti u fl-Ingliż, Diploma Postgradwatorja fl-Interpretazzjoni, u PGCE mill-Università ta’ Malta, kif ukoll MA fl-Ingliż mill-Università ta’ Nottingham.

Serviet ukoll bħala Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Malti – Università, u fil-preżent tgħallem il-Malti lil studenti mill-ewwel sal-ħames sena sekondarja fil-Kulleġġ Savio. Dorothy stabbilixxiet ruħha wkoll fix-xena mużikali. Hija tistudja l-vuċi klassika taħt id-direzzjoni tas-Sopran Miriam Cauchi u hija kantanta versatili, bi flessibbiltà li tippermettilha tkanta ġeneri differenti. Ħadet ħsieb id-direzzjoni artistika ta’ diversi kunċerti, fosthom Dari Niftakar, b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Manoel, bl-għan li terġa’ toħroġ għad-dawl il-lirika li kiteb Gaetano Buttigieg fuq melodiji popolari tal-ħamsinijiet u s-sittinijiet. Ħadet sehem f’diversi kunċerti annwali u kommemorattivi mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u l-Valletta International Baroque Ensemble, kif ukoll f’kunċerti privati u serati mużiko-letterarji. Gawdiet ukoll minn numru ta’ opportunitajiet barra minn Malta, fosthom fi Spanja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju u r-Royal Albert Hall f’Londra, akkumpanjata mill-Orkestra Filarmonika Rjali.

Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta