‘Seħer il-Malti’: Minn Fomm il-Poplu għal Arkivju Lingwistiku

Nhar It-Tnejn 20 ta’ Ġunju 2022 fis-6.00pm, Elaine Vella “Seħer il-Malti: Minn Fomm il-Poplu għal Arkivju Lingwistiku.”

Din it-taħdita, li se ssir mil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u se tintwera diretta fuq Zoom u Facebook, hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali mmexxija mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Il-programm tar-radju Seħer il-Malti ppreżentat minn Thomas Pace u l-Prof. Manwel Mifsud, ilaqqa’ s-semmiegħa ma’ diversi mistiedna filwaqt li joffri opportunità lill-pubbliku biex jikkontribwixxi f’diskussjoni fuq il-lingwa Maltija u dak kollu li hemm marbut magħha.

Din it-taħdita se tittratta l-arkivju lingwistiku li qed jinbena permezz tal-programmi ta’ Seħer il-Malti. Din il-ġabra tiffaċilita l-aċċess għal dak li jingħad fil-programmi: il-kliem u l-idjomi bil-varjazzjonijiet tagħhom kif jingħadu mill-poplu, flimkien ma’ għadd ta’ kurżitajiet lingwistiċi u siltiet letterarji li mingħajr dokumentazzjoni maż-żmien faċilment jintesew u jintilfu.

Għaldaqstant, din il-ġabra tista’ titqies kważi kważi bħala indiċi dettaljat tal-programmi rrekordjati. Għalhekk, f’din it-taħdita se jiġi spjegat il-proċess tal-ġbir u l-mod ta’ kif nistgħu nużaw din il-ġabra bħala gwida għal dak li hemm fil-programm individwali.

Elaine Vella

Elaine Vella hija għalliema tal-Malti tas-sekondarja u t-teżi tal-Baċellerat tagħha kienet proprju dwar il-ġbir tal-materjal lingwistiku fil-programm Seħer il-Malti. Flimkien mal-qari, hija għandha għal qalbha l-lingwi, b’mod partikolari l-Malti u t-Taljan, u t-tagħlim.