Is-Seħta u l-Iskunġrar – Yanika Schembri Fava

Nhar l-Erbgħa 12 ta’ Ottubru, bejn is-6.00pm u s-7.30pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Yanika Schembri Fava se tagħmel taħdita pubblika dwar “Is-Seħta u l-Iskunġrar.” Din l-attività hija miftuħa għal kulħadd u d-dħul huwa b’xejn. Din hija t-tieni taħdita organizzata mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti bħala parti minn proġett dwar It-Tradizzjoni Orali. F’dawn it-taħditiet ikun hemm preżentazzjoni tal-kelliema, tingħata xhieda ta’ tradizzjoni orali, u jkun hemm diskussjoni bis-sehem tal-udjenza. Yanika Schembri Fava se tippreżenta għadd ta’ eżempji ta’ versi ta’ seħta u skunġrar permezz ta’ filmati li ħadet għar-riċerka tagħha għall-baċellerat fil-Malti.

Fl-imgħoddi, aktar mil-lum, is-seħta u l-protezzjoni kontriha kienu ħtiġiet jumija tal-popolin. Il-versi ta’ seħta u dawk li jiskunġraw kienu jservu lill-komunità f’kull aspett tal-ħajja: min jisħet u min jiskonġra, skont il-bżonn tal-mument. Madankollu, il-vuċijiet tal-antenati u s-sengħa ta’ forzi primordjali, għalkemm naqsu, jidher li għadhom ħajjin f’każijiet iżolati. F’mumenti vulnerabbli, il-popolin iħoss il-bżonn li jgħaqqad il-forzi sopranaturali tiegħu f’ritwal wieħed biex kemm jista’ jkun joħloq formola maġika vversifikata b’saħħitha u konvinċenti biżżejjed biex il-komunità kollha sserraħ rasha li l-ħtieġa tal-mument titwettaq u l-gwaj jingħeleb.

Yanika Schembri Fava studjat il-Malti fl-Università ta’ Malta u kitbet it-teżi tal-baċellerat bit-titlu “Funzjonijiet Soċjali tal-Vers Popolari Malti: Is-Seħta u l-Iskunġrar” (2016). Fil-futur beħsiebha tippubblika l-ewwel ktieb tagħha b’versi popolari ta’ seħta u ta’ skunġrar, kemm mir-riċerka li għamlet għat-teżi, kif ukoll wara. Il-qasam tat-tradizzjoni orali, beda jinteressaha minn mindu kienet żgħira, meta kienet tara persuni qrib tagħha jużaw xi versi superstizzjużi u taħnin biex iraqqdu t-trabi. Madankollu, l-interess kompla kiber meta studjat “L-Eqdem Testi Poetiċi Maltin,” fosthom il-versi popolari Maltin. Schembri Fava beħsiebha tkompli l-istudji tagħha fuq livell ta’ Masters.


Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta