“Magħna ma tagħmlu xej’!” Il-Malti fost il-Partitarji ta’ Hibernians F.C. u Valletta F.C.

Nhar il-Ħamis 4 ta’ 2023, fis-6.00pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Nicole Mangion se tagħmel taħdita dwar “Magħna ma tagħmlu xej’!” Il-Malti fost il-Partitarji ta’ Hibernians F.C. u Valletta F.C.

Din it-taħdita se ssir mil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tintwera diretta fuq Zoom u Facebook bħala parti mill-proġett tad-Dipartiment tal-Malti fuq It-Tradizzjoni Orali.

Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u Klabb Kotba Maltin.

Din it-taħdita se tippreżenta d-diskors Malti li jintuża fost il-partitarji ta’ Hibernians F.C. u Valletta F.C. Għalhekk, se tagħti ħarsa lejn il-ħsieb u l-ispontanjetà tad-diskors waqt il-futbol Malti. Matul it-taħdita se ssir analiżi tal-kanzunetti miġbura u tad-diskors fuq il-prodotti għall-bejgħ li jkun hemm waqt id-disgħin minuta logħob u fuq il-midja soċjali. Din ir-riċerka kienet parti mit-teżi ta’ Nicole Mangion bl-isem ta’, “Il-Malti fost il-Partitarji ta’ Hibernians F.C. u Valletta F.C.” li tmexxiet minn Dr Immanuel Mifsud u Yanika Schembri Fava bħala kotutriċi.

Nicole Mangion, gradwat b’Baċellerat fl-Arti bl-Unuri fil-Malti u bħalissa qed tagħmel Maġisteru biex tilħaq għalliema tal-Malti fis-sekondarja. Għal Nicole, is-settur tal-arti, huwa l-ispazju li fih tista’ timraħ bħala persuna għaliex permezz tiegħu hija tgħaqqad dak kollu li għandha għal qalbha: il-mużika, it-teatru u l-lingwa Maltija.