Bejn Devozzjoni u Pika: It-taqbiliet tal-festi f’Ħaż-Żebbuġ – Martina Tabone

Nhar it-Tlieta, 9 ta’ Frar 2021, fis-6.00pm, Martina Tabone, “Bejn Devozzjoni u Pika: It-taqbiliet tal-festi f’Ħaż-Żebbuġ” fuq Zoom. Biex tidħol issegwi din it-taħdita agħfas fuq din il-ħolqa: https://universityofmalta.zoom.us/j/93184963423

Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Din it-taħdita hija dwar it-taqbiliet li jingħadu fil-festi f’Ħaż-Żebbuġ, b’mod speċjali fil-festa liturġika ta’ San Filep. Dawn it-taqbiliet ilhom jingħadu f’diversi festi imma minkejja dan, ftit li xejn hawn informazzjoni dwarhom. Kien għalhekk li Martina ddeċidiet li tistħarreġ din il-fergħa mit-tradizzjoni orali sabiex tixħet dawl fuq dawn it-taqbiliet. Mir-riċerka ħarġu diversi spunti interessanti li se jkunu ttrattati fit-taħdita, fosthom: it-temi, il-binja u l-ġestwalità.

Martina Tabone għandha 21 sena u toqgħod Ħaż-Żebbuġ. Għandha għal qalbha l-qari, l-għum u l-volontarjat fil-każin tal-banda. Riċentament, lestiet il-kors tal-Baċċellerat fil-Malti u issa tinsab fl-ewwel sena tal-MTL biex issir għalliema tal-Malti.

Fit-teżina tagħha tal-Baċellerat li tmexxiet mill-Prof. Adrian Grima, Martina Tabone kitbet dwar “It-Taqbiliet tal-Festi f’Ħaż-Żebbuġ: Bejn Devozzjoni u Pika.”

Bejn Storja u Stejjer: Il-Kapitlu Gonzi – Sergio Grech

It-Tlieta 12 ta’ Jannar 2021, fis-6:00pm, Sergio Grech “Bejn Storja u Stejjer: Il-Kapitlu Gonzi“ fuq Zoom. Biex tidħol issegwi t-taħdita kemm tagħfas fuq din il-ħolqa:  https://universityofmalta.zoom.us/j/97615893682

 

Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

It-taħdita se tiffoka fuq l-istejjer marbuta mal-Arċisqof Gonzi li mexxa d-djoċesi ta’ Malta bejn l-1944 u l-1976 – żmien mill-iktar imqalleb fl-istorja nazzjonali. Bħala parti mid-dottorat, Sergio Grech intervista madwar mitt persuna, ħafna minnhom saċerdoti, biex jikseb aktar tagħrif dwar l-Arċisqof Mikiel Gonzi. Minn dawn l-intervisti ħarġu għadd ta’ stejjer fuq l-Arċisqof Gonzi, figura ironikament qsajra, li madankollu, il-persuni intervistati bdew ipinġuh bħala persuna kbira, persuna li d-djoċesi qatt ma rat bħalha u fi kliem wieħed minnhom “kapitlu irrepetibbli”. It-taħdita se timraħ qalb dawn l-istejjer u se tagħżel u tifred l-impċajpar miċ-ċar u fuq kollox tevalwa permezz tat-Tradizzjoni Orali kif il-poplu ħares lejn dan l-isqof ewlieni tas-seklu 20.

Sergio Grech twieled iż-Żejtun fl-1975. Studja l-Istorja fl-Università ta’ Malta minn fejn kiseb il-Baċellerat bl-Unuri, PGCE u Maġisteru. Barra minn hekk, qed jaħdem fuq id-dottorat fl-Istudji Maltin. Fis-sena 2004, ippubblika l-bijografija Patri Feliċjan Bilocca Ħajtu u Żminijietu 1914-1987. Fl-2010, ħareġ ir-rumanz Il-Lejl tal-Irġulija. Tliet snin wara editja l-ktieb Duminku Mintoff Bejn Storja u Miti Ġabra ta’ Kitbiet Dwaru fejn grupp ta’ ħassieba ta’ fehmiet differenti analizzaw dan il-politiku kumpless Malti. Fl-2013 ippubblika l-bijografija tat-Tabib Alexander Cachia Zammit. Ħareġ ukoll il-bijografija ta’ Anton Tabone, l-eks Ministru ta’ Ghawdex. Editur tas-sensiela Bejn Storja u Miti li barra l-ktieb ta’ Mintoff ħarġu volumi dwar Herbert Ganado, Eddie Fenech Adami, Monsinjur Victor Grech, Fr Hilary Tagliaferro, Mabel Strickland u Marie-Louise Coliero Preca.

Irriċerka f’diversi arkivji lokali u barranin fosthom: The National Archives of the United Kingdom (Kew), il-BBC Written Archives Centre ta’ Caversham Park, (Reading), l-Arkivju Nazzjonali ta’ Malta, l-Arkivji tal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista u l-Arkivji tal-għaqdiet reliġjużi lokali.

Xandar ta’ għadd kbir ta’ programmi b’xeħta kulturali fuq Ir-Radju tal-Università, Campus FM, FM Bronja, Radju Malta, TVM, Eden FM u Education 22. Fundatur tal-grupp letterarju Poeżijaplus u kien l-ewwel Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Fil-preżent huwa impjegat bħala Assistent Kap ta’ Skola Primarja.