It-Tradizzjoni Orali

Dan huwa s-sit tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta dwar It-Tradizzjoni Orali. L-għan ta’ dan il-proġett, li beda fl-2016, huwa li jiddokumenta u jistudja oqsma differenti tat-tradizzjoni orali f’Malta. Il-proġett qed jitmexxa minn letturi fid-Dipartiment tal-Malti megħjuna minn riċerkaturi stabbiliti u oħrajn li bdew jaħdmu f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin.

logo-gcc87did-tad-dipartiment-tal-malti_iswed.jpg

Bħala parti minn dan il-proġett, id-Dipartiment tal-Malti qed imexxi proġett ta’ riċerka ffinanzjat mill-Università ta’ Malta li permezz tiegħu qed niġbru l-biblijografija ta’ studjużi ewlenin tat-tradizzjonijiet orali f’Malta, fosthom ta’ Ġużè Cassar Pullicino, Guido Lanfranco u Ġorġ Mifsud Chircop. Permezz ta’ dan il-proġett nixtiequ li:

(a) ikollna stampa ċara tal-oqsma li ġew mistħarrġa u tal-oqsma li għadhom sajmin minn dokumentazzjoni u analiżi xierqa, u b’hekk

(b) inwittu t-triq għal fażi ġejjiena tal-proġett li tinkludi l-ġbir u l-istudju sistematiku tal-ħafna friegħi tat-tradizzjoni orali.

Il-proġett fuq It-Tradizzjoni Orali għandu l-appoġġ tal-Fond ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Ħafna mir-ritratti li jidhru f’dan is-sit ħaduhom Therese Borg u Adrian Grima.

Screen Shot 2018-05-11 at 12.43.26

____________________________________________________________________________________________

X’inhi t-tradizzjoni orali?

Intervent ta’ Yanika Schembri Fava fuq il-proġett dwar It-Tradizzjoni Orali f’Jum l-Ilsien Malti fil-Palazz tal-President tar-Repubblika nhar il-21 ta’ Frar f’serata mużiko-letterarja. 

Jum l-Ilsien Malti ġie ċċelebrat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Akkademja tal-Malti u l-għaqdiet uffiċjali tal-Malti flimkien mal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta bħala parti mill-kommemorazzjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Lingwa Materna (UNESCO).

Fl-aħħar tal-intervent ta’ Yanika Schembri Fava intwera dan il-filmat qasir dwar il-proġett, bi produzzjoni ta’ Kevin Kiomall. 


Jum l-Ilsien Malti_21.02.2018 (12)
Yanika Schembri Fava qed tagħmel diskors dwar It-Tradizzjoni Orali fil-Palazz tal-President tar-Repubblika

It-tradizzjoni orali ma nafux bl-eżatt kemm ilha tevolvi, madankollu, nafu li hija wirt missirijietna f’forma ta’ komunikazzjoni li tiġbor fiha l-għarfien, l-ideat u l-kultura tal-poplu li minn żmien għal żmien għaddieha minn ġenerazzjoni għall-oħra, bl-istess mod jew b’xi varjanti. Fi kliem Oliver Friggieri, it-tradizzjoni orali Maltija hi “wirt bikri” li beda jinġabar minn għadd ta’ “studjużi u poeti” bejn l-1791 u l-1839 (“Tradizzjoni Orali”). It-tradizzjoni orali Maltija b’mod ġenerali tiġbor fiha, fost oħrajn: l-għana; il-ħrejjef; l-għajdut popolari u t-taqbiliet sempliċi li ħoloq il-bniedem, għal diversi bżonnijiet jew għanijiet. Simon Gikandi jargumenta li t-tradizzjoni orali tibqa’ biss fejn hemm il-ħajja tal-bniedem, jekk din tal-aħħar ma tkunx hemm it-tradizzjoni orali titlef il-funzjoni u tmut. Għalhekk, aħna l-bnedmin bħala s-sors primarju li nagħtu l-għajxien lil din it-tradizzjoni, importanti li nibqgħu nirriċerkaw u nfakkru din it-tradizzjoni għax wara kollox sawret parti essenzjali mill-kultura tagħna l-Maltin.

X’inhu l-iskop tal-proġett dwar it-tradizzjoni orali?

Fil-fatt, dan hu l-iskop primarju tal-proġett tat-tradizzjoni orali li qed jitmexxa mid-Dipartiment tal-Malti tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta. Dan il-proġett qed isir bl-għan li jiġbor, jiddokumenta u jippubblika arkivju tax-xogħlijiet dwar it-tradizzjoni orali biex ikun jista’ jorganizza u jistimola aktar riċerka sistematika f’dan il-qasam. L-għan ta’ dan il-proġett għalhekk jinferaq fi tlieta. Primarjament, issir ġabra tal-istudji marbutin mal-oqsma varji tat-tradizzjoni orali. Wara, dawn ix-xogħlijiet jiġu kkategorizzati u ddokumentati. U fl-aħħar, ir-riżorsi jittellgħu fuq is-sit u fuq il-paġna ta’ Facebook bl-isem ta’ ‘it-Tradizzjoni Orali’ li ġew imfassla apposta għal dan il-proġett.

Fis-sit, kif ukoll fil-paġna ta’ Facebook, wieħed jista’ jgawdi mill-ħidma li saret sa issa, ngħidu aħna: intervisti ma’ riċerkaturi ewlenin f’dan il-qasam; riżorsi marbutin mat-tradizzjoni orali u filmati ta’ taħditiet li saru minn studjużi li b’xi mod jolqtu t-tradizzjoni orali. Sa issa saru 14-il taħdita u sa Marzu ta’ din is-sena għandna skedati diġà 5 taħditiet. Id-dati ta’ meta se jsiru wieħed jista’ jarahom mis-sit jew mill-paġna ta’ Facebook  ta’ dan il-proġett. Ħdimna wkoll fuq biblijografija sħiħa ta’ studjużi ewlenin tat-Tradizzjoni Orali Maltija, ngħidu aħna, Guido Lanfranco, Ġużè Cassar Pullicino u Ġorġ Mifsud-Chircop u dalwaqt se tkun għall-pubbliku fuq is-sit. Dan kollu qed isir biex fost oħrajn nilħqu l-ewwel għan tagħna, li nkomplu nħeġġu aktar riċerka f’dan il-qasam u dan grazzi għall-finanzi li qed tagħtina l-Università ta’ Malta. Fl-aħħar, fi proġett bħal dan (dwar it-tradizzjoni orali) ma tistax tibqa’ biss fuq dak li tiskopri mill-kotba u r-riċerkaturi, iżda huwa importanti, u forsi wkoll id-dritt ta’ min iħaddan din it-tradizzjoni, li l-versi jew l-għajdut tiegħu jiġu ppreżentati kif mistqarra minnu stess. Għalhekk, fis-sit hemm ukoll ħolqa li wieħed jista’ jaqsam kwalunkwe informazzjoni relatata mat-tradizzjoni orali.

F’isem id-Dipartiment tal-Malti tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u l-membri li jikkoordinaw dan il-proġett: Prof. Adrian Grima, Dr Michael Spagnol, Prof. Manwel Mifsud u membri oħra li jgħinu: Daniel Bezzina, Michael Deguara, Marlene Mifsud-Chircop, Rita Saliba, u Ġużi Gatt nirringrazzjakom tal-istedina biex nesponu l-proġett dwar it-tradizzjoni orali.

Yanika Schembri Fava


Avviż importanti

F'dan is-sit, id-drittijiet tax-xogħol huma tal-awtur(i)/tal-pubblikatur kif definiti fil-Leġiżlazzjoni xierqa dwar id-Drittijiet tal-Awtur jew kif emendati b’kull leġiżlazzjoni suċċessiva. L-utenti jistgħu jaċċessaw dan ix-xogħol u jistgħu jużaw l-informazzjoni li fih, skont il-Leġiżlazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Awtur u dment li l-awtur jiġi rikonoxxut kif xieraq. Huma pprojbiti d-distribuzzjoni jew ir-riproduzzjoni ulterjuri fi kwalunkwe format mingħajr il-permess minn qabel tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. 

Important Note

The copyright of works on this site belongs to the author(s)/publisher. The rights of this work are as defined by the appropriate Copyright Legislation or as modified by any successive legislation. Users may access this work and can make use of the information contained in accordance with the Copyright Legislation provided that the author must be properly acknowledged. Further distribution or reproduction in any format is prohibited without the prior permission of the copyright holder. 

Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta