Il-Qniepen – Wirt Kulturali Tanġibbli u Intanġibbli

Nhar il-Ħamis 12 ta’ Jannar 2023, fis-6.00pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Kenneth Cauchi se jagħmel taħdita dwar “Il-Qniepen – Wirt Kulturali Tanġibbli u Intanġibbli.”

Din it-taħdita se tkun miftuħa għal kulħadd u se tintwera wkoll diretta fuq Zoom u Facebook bħala parti mill-proġett tad-Dipartiment tal-Malti fuq It-Tradizzjoni Orali.

Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u Klabb Kotba Maltin.

Il-qniepen kienu fost l-eqdem mezzi ta’ komunikazzjoni li ħoloq il-bniedem. Użahom biex ferraħ, sejjaħ, ħabbar u bekka lil ta’ madwaru. Mal-medda tas-snin, bosta qniepen inqasmu bl-użu li kienu suġġetti għalih. Dawn saru mill-ġdid bl-użu tal-istess qniepen miksura, imdewba u fonduti fi qniepen ġodda magħmula mill-istess metall.

L-istorja tal-kampanoloġija Maltija hija sinonima ma dik ta’ pajjiżi oħra, madankollu, tmur lil hinn, b’differenzi partikulari karatteristika tal-istat insulari tagħna. Kienu bosta l-fondituri tal-qniepen Ewropej li fornew qniepen li għadna ngawdu, kif ukoll oħrajn li ntilfu mal-medda taż-żmien. Fondituri oħra kienu residenti f’Malta u għamlu dan ix-xogħol fi gżiritna. Diversi kienu l-fondituri li għaddew is-sengħa minn ġenerazzjoni għal oħra mill-ibgħad żminijiet sal-bidu tas-seklu għoxrin. Il-kummissjoni ta’ qniepen ġodda u kbar kienet fost l-oħrajn, simbolu ta’ saħħa finanzjarja bejn raħal u ieħor kif ukoll kapaċità ta’ organizzazzjoni teknika biex ittellgħu – mingħajr mezzi moderni – diversi qniepen kbar li sal-lum, għadhom fost l-ikbar eżempji kampanoloġiċi Maltin.

L-użu tal-qniepen inbidel maż-żmien, min wieħed utilitarju għall-kapriċċ ta’ perfezzjoni mużikali. Il-bidla tapparteni l-kwalità fil-qniepen li evolvew minn oġġett, li basta jgħamel ħoss, għal strument mużikali mill-aqwa. Id-daqq divers kien jitlob ismijiet speċifiċi biex jiddistingwi waħda minn oħra u partikolari minn raħal għal ieħor. Ir-rifsa, ir-roll, il-bewsa u t-tnaqqir huma ftit minn dawn it-termini li dari kienu jintużaw il-ħin kollu. Dan hu suġġett estensiv li minkejja li s-snin għaddew, għadu jgħix magħna ta’ kuljum u li għalhekk din it-taħdita se tiffoka fuqu.

Kenneth Cauchi twieled fl-1974 u studja fl-Università ta’ Malta. Iggradwa bl-unuri fil-Konservazzjoni tal-Metalli u l-Ġebel kif ukoll b’ Maġisteru fl-arkitettura ekklezjastika Barokka. Huwa tħarreġ fil-kampanoloġija f’Loughgorough u Cambridge fl-Ingilterra, kif ukoll Leuven fil-Belġju, Annecy fi Franza u Nordlingen fil-Ġermanja. Kien il-kampanar prim tal-KonKatidral ta’ San Ġwann għal iktar minn tnax-il sena, kif ukoll responsabbli ta’ diversi proġetti ta’ restawr u installazzjoni ta’ qniepen ġodda fosthom dik tal-Monument tal-Gwerra fil-Barakka t’isfel fil-Belt Valletta.

Leave a comment