Thomas Pace jintervista lil Gordon Caruana, l-awtur tal-ktieb “Tifkiriet: Minn Fomm il-Poplu”

Nhar It-Tnejn 7 ta’ Marzu 2022 fis-6.00pm, Thomas Pace se jintervista lix-xandar Gordon Caruana, l-awtur tal-pubblikazzjoni “Tifkiriet: Minn Fomm il-Poplu.” Din l-intervista, li se ssir mil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u se tintwera diretta fuq Zoom u Facebook, hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali mmexxija mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Il-faċċata tal-ktieb “Tifkiriet: Minn Fomm il-Poplu” ta’ Gordon Caruana


L-intervista se tiffoka fuq il-ktieb “Tifkiriet: Minn Fomm il-Poplu” li hu mnebbaħ mill-esperjenzi tas-semmiegħa tal-programm “Tifkiriet” li ilu jixxandar fuq Radju Malta għal dawn l-aħħar 20 sena. F’dan il-programm jinstemgħu għadd ġmielu ta’ Maltin jirrakkontaw dwar ħajjithom, xogħolhom, il-passatempi tagħhom, u temi oħra ta’ interess, bħall-gwerra, li huma marbutin sewwasew mal-ħajja soċjali tal-Maltin tal-aħħar 70 sena.

Mit-tfulija ta’ Presidenti Emeriti u tifkiriet tal-iskola u tal-Ewwel Tqarbina sal-esperjenza tal-bejjiegħa tal-ħalib u tal-pitrolju. Mis-snajja’ tat-tħin u tal-ġbir tal-melħ għas-sengħa rikka tal-iskultura. Mill-bżulija tat-tarznari u s-seħer tat-talkies għall-esperjenzi ta’ sid ħanut tat-te, messaġġiera u suldati tal-gwerra.

Din in-nisġa ta’ tifkiriet minn fomm il-poplu mhux biss għandha għan nostalġiku imma tixhed minn xiex għaddew ta’ qabilna biex ksibna dak li qed ingawdu llum.

Aktar tagħrif dwar il-ktieb, “Tifkiriet: Minn Fomm il-Poplu”: Tifkiriet ta’ ħaddiema u eks Presidenti fl-aħħar 100 sena miġbura fi ktieb

Gordon Caruana l-awtur tal-ktieb “Tifkiriet: Minn Fomm il-Poplu”