L-Għanqbut tat-Tifsir li Nsiġna – Ħarsa lejn il-Metodu Etnografiku

Tliet sessjonijiet li se jsiru t-Tlieta 6, 13 u 20 ta’ Marzu 2018, dejjem fis-6.00pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq


L-Ewwel Sessjoni: “Il-kobba mħabbla”

It-Tlieta, 6 ta’ Marzu, 6.00pm, il-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq

image
Franz Boas iwettaq rappreżentazzjoni ta’ ċerimonja Kwakiutl

Inħarsu lejn l-etnografija u l-wirt imħallat li l-istorja għażlet li tħalli lil din id-dixxiplina mogħnija b’dilemmi. Hawn il-vjaġġ tal-etnografu jinsab dejjem bejn ħalltejn – bejn il-kolonjaliżmu u l-postkolonjaliżmu, bejn dak li hu stramb u “eżotiku” u dak li huwa familjari, bejn l-ispeċifiku u l-ġenerali, bejn in-narrattiva u l-għerf enċiklopediku, bejn it-tradizzjoni u l-globalizzazzjoni, bejn il-preżent etnografiku fiss u l-bidla dinamika kontinwa.


It-Tieni Sessjoni: “Il-kaxxa tal-għodda”

It-Tlieta, 13 ta’ Marzu, 6.00pm, il-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq

image (1)
Margaret Mead mal-informanti prinċipali tagħha f’Samoa

L-etnografu wasal max-xatt iżda għad irid isib triqtu qalb labirint ta’ tifsir u prattika soċjali li – irrispettivament minn jekk hux qiegħed in-naħa l-oħra tad-dinja jew f’daru stess – irid jara b’għajnejn ġodda. Inħarsu lejn l-għodod li nistgħu nużaw biex inħarsu lejn l-għanqbut ta’ tifsir b’perspettiva differenti.


It-Tielet Sessjoni: “Il-pinna, il-klamar u l-mera”

It-Tlieta, 20 ta’ Marzu, 6.00pm, il-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq

image (2)
Stephen Tyler medhi fil-kitba tiegħu, b’maktur man-nuċċali biex iservi ta’ paraventu għad-dinja ta’ madwaru

Hawnhekk inħarsu lejn il-proċessi li jwasslu mill-osservazzjoni parteċipatorja għall-kitba, mill-ġbir ta’ materjal għall-analiżi. Madankollu, apparti l-pinna u l-klamar, għandna bżonn ukoll mera biex napplikaw il-prinċipju tar-riflessività – dak li bih naraw li l-għanqbut ta’ tifsir ma ntisiġx biss min-nies li aħna osservajna, iżda li waqt li nosservaw, niġbru l-materjal u niktbu l-analiżi tagħna, aħna wkoll qegħdin ninsġu għanqbut ta’ tifsir.


Nota dwar l-istampi

Ma’ kull sessjoni hemm marbuta stampa u deskrizzjoni.  L-istampi magħżula mill-annali tal-antropoloġija klassika, u għandhom doża ta’ ironija fihom li nistgħu nesploraw fis-sessjonijiet.


Michael Deguara photo (1).jpg

Michael Deguara qed jagħmel riċerka dwar il-parteċipazzjoni tal-komunità u l-aċċessibilità fil-Programm Valletta 2018.  Minħabba li jbati b’kurżità qawwija dwar l-istramberija tal-prattika soċjali, Michael studja l-Antropoloġija fl-Università ta’ Malta u ggradwa b’teżi dwar persuni bla dar.  Fl-2007, temm b’suċċess MPhil fl-Analiżi Antropoloġika Soċjali fl-Università ta’ Cambridge, fejn studja l-qawmien ta’ interess popolari fil-mużika, żfin u ritwali ta’ fejqan tradizzjonali fl-Italja ta’ isfel.  Din ir-riċerka tħares lejn kif avvenimenti kulturali jiġġeneraw sens ta’ “riflessività soċjali”, fejn persuni joħolqu identitajiet permezz tar-riflessjoni u l-kritika.

Michael preżentament jaħdem fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol u jgħallem fl-Università ta’ Malta.  Huwa wkoll involut f’kampanji favur il-ħarsien ta’ wirt arkeoloġiku.


 

 

 

Lino Psaila: il-Qwiel u l-Għajdut Popolari

LINO PSAILA

Emmanuel (Lino) Psaila twieled iż-Żejtun fid-28 ta’ Diċembru 1943, iben Karmnu u Katarin née Delia. Studja fl-iskola primarja taż-Żejtun u fil-Kulleġġ De La Salle ta’ Bormla. Beda l-ħajja tax-xogħol tiegħu bħala ħaddied fis-servizz pubbliku.

Tul il-karriera tiegħu serva wkoll bħala Direttur tal-Maltese Arab Libyan Fishing Company u bħala Works Technical Officer fis-servizz pubbliku. Barra minn hekk, ħadem għal bosta snin bħala sajjied part-time.

Lino Psaila kien bniedem artistiku ħafna. Fl-imgħoddi kien ipinġi d-disinji fuq il-luzzijiet u t-trakkijiet. Il-palk hu għal qalbu ħafna, tant li ta s-sehem tiegħu bħala attur f’bosta produzzjonijiet teatrali u għal tmien snin sħaħ mexxa l-kumpanija teatrali Marsaxlokk Stars Dramatic Company.

Madankollu bħala artist huwa magħruf l-aktar għall-manuċċi li jagħmel, tant li f’idejh għandu r-rekord Malti u Ewropew għall-akbar għadd ta’ manuċċi fuq spaga waħda (565). Kienu jistednuh ħafna skejjel u kunsilli lokali biex jgħallem lit-tfal kif isiru l-manuċċi ħalli b’hekk din is-sengħa qadima ma tintilifx.
Il-baħar u dak kollu li għandu x’jaqsam miegħu kienu passjoni kbira għal Lino Psaila. Kiteb u ppubblika diversi artikli dwar is-sajd, ir-razez differenti tal-ħut, bastimenti tal-gwerra u sottomarini. Ġabar fi ktieb (li għadu ma ġiex ippubblikat) tagħrif dwar il-ħut kollu li jgħix fil-Baħar Mediterran. Ippubblika wkoll il-ktieb Il-Baħar Rasu Iebsa (KKM) li jikkonsisti f’ġabra ta’ ġrajjiet li seħħew tassew fuq il-baħar ħafna snin ilu u li l-protagonisti fihom huma sajjieda Maltin. Dan il-ktieb diġà ġie ppubblikat tliet darbiet u r-raba’ edizzjoni tiegħu, b’żieda ta’ rakkonti ġodda, mistennija toħroġ dalwaqt.

Lino Psaila kien kburi ħafna bil-fatt li kien Żejtuni u ħadem qatigħ biex il-kultura Żejtunija tibqa’ f’saħħitha u tkun magħrufa minn kulħadd. Lejn l-aħħar ta’ ħajtu kien qed jaħdem fuq ktieb awtobijografiku bl-isem “Minn Tfuliti sa Rġuliti” li huwa miktub kollu bid-djalett Żejtuni. Dan il-ktieb, li għandu jiġu ppubblikat aktar tard din is-sena, huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fil-letteratura Maltija. Bih Lino Psaila se jilħaq il-qofol tal-imħabba kbira tiegħu għal raħal twelidu u għad-djalett li bih tħaddet sa minn ċkunitu.

Lino Psaila ħabb ħafna l-kitba u l-qari, u kellu librerija estensiva ta’ kotba li fil-parti l-kbira tagħhom kienu dwar il-baħar. Ħa sehem f’bosta konkorsi letterarji li fihom rebaħ diversi premjijiet, inkluż “Il-Premju Djalett” għal tliet darbiet fl-attività letterarja organizzata kull sena mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun. Fl-2012 ingħata Ġieħ iż-Żejtun u fl-2017 Ġieħ Marsaxlokk.

Meta kiber, it-teknoloġija kienet tinteressah ħafna u kien jużaha bħala għodda biex iżomm ruħu aġġornat ma’ dak li jkun qed jiġri madwaru u fuq kollox bħala mezz kif jgħallem lill-oħrajn b’mod informali dwar dak kollu li hu Żejtuni.

Lino Psaila kien miżżewweġ lil Maria née Gravina u għandhom tliet ulied, Rita, Emanuel u Catherine.

Lino Psaila ħalliena fl-14 ta’ Diċembru 2017.

 


 

Emanuel Psaila twieled fl-1968 f’Marsaxlokk iżda trabba ż-Żejtun. Huwa jaħdem mad-Dipartiment tat-Tifi tan-Nar li tiegħu huwa d-Direttur. Serva f’diversi kumitati u bordijiet fosthom bħala president tal-Assoċjazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili għal 14-il sena, membru fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, membru fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, u president tal-Għaqda tal-Malti tal-Università.

In-novelli tiegħu dehru f’diversi ġurnali u magazins kif ukoll fl-antoloġiji “Tluq” u “Skariġġi”. Huwa ħa sehem f’għadd ta’ lejliet letterarji u f’konkorsi ta’ kitba. Fost premjijiet oħra, rebaħ il-Konkors Nazzjonali Letteratura għaż-Żgħażagħ fl-2011 u l-konkors f’għeluq il-50 sena ta’ It-Torċa. Fir-rivista akkademika Il-Malti ġie ppubblikat artiklu tiegħu fuq il-letteratura dwar is-snin tmenin. Ippubblika Storja Maqsuma (KKM), ir-rumanz rebbieħ tal-konkors tar-rumanzi għaż-żgħażagħ fl-2012.

Leli Psaila, iben Lino Psaila, kiseb Masters fil-Letteratura Maltija b’teżi dwar il-letterarjetà fin-narrattiva ta’ Ġużè Ellul Mercer. Qed jittama li fi ftit żmien ieħor jippubblika t-teżijiet tiegħu u l-ewwel ġabra ta’ novelli.