Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom – Dr Steve Borg

Nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Frar 2019, fis-6.00pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Dr Steve Borg se jagħmel taħdita dwar ir-riċerka li ppubblika f’żewġ volumi ta’ kotba, Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom, bħala parti mill-proġett dwar It-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università. Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn. Waqt it-taħdita se jkun hemm iż-żewġ volumi għall-bejgħ.

It-taħdita se tiffoka fuq riċerka li bdiet fl-1999 li tikxef l-għemil, l-ambitu soċjokulturali Malti u l-istorja ta’ għadd ta’ Malt20170401_125653in intervistati minn Dr Borg fuq medda ta’ ħafna snin. Huwa se jispjega l-għażla tal-persuni intervistati, il-binja u l-istruttura tal-intervisti, u kif wara kien jagħżel il-kontenut biex jerġa’ jintervista lill-istess persuna.

Fost oħrajn, se jitkellem dwar diversi sfidi li ltaqa’ magħhom matul ir-riċerka, ngħidu aħna, konsiderazzjonijiet etiċi u n-nisġa ta’ dak kollu li ddokumenta f’rakkont li jżomm il-qarrejja jaqraw in-narrattiva mingħajr kliem li jżarżar il-widnejn. Barra minn hekk, Steve Borg se juri kemm fadal materjal orali x’jinġabar minn fomm rakkontaturi minn kull rokna tal-gżejjer Maltin.

steve borg_kemmunaDr Steve Borg studja fl-Università ta’ Malta, l-Università ta’ Northumbria u l-Università ta’ Hull. Huwa magħruf sew għall-pożizzjonijiet attivi fid-difiża tal-ambjent naturali u l-wirt kulturali Malti, u l-promozzjoni tal-lingwa Maltija u l-mużika Maltija.

Fost oħrajn, serva bħala segretarju tal-Malta Heritage Trust u Fondazzjoni Wirt Artna. Salva ħafna siti storiċi minn degradazzjoni jew demolizzjoni arkitettonika, speċjalment fil-Kalkara, f’Marsaskala u f’tas-Sliema. Ipproduċa u ppreżenta tliet sensiliet televiżivi fuq l-istazzjon nazzjonali. Fl-2000 waqqaf il-grupp folkloristiku modern, Etnika, wara li identifika l-eqdem melodiji folkloristiċi ta’ Malta fl-Università ta’ King’s College f’Londra. Fl-2001 Steve Borg u Etnika rebħu l-Premju tal-Mużika ta’ Malta għall-Kisba Kulturali. Fost diversi suċċessi fil-produzzjoni mużikali, fl-2009 Borg ipproduċa album bil-Malti bl-isem Ommi b’kompożizzjoni ta’ Dominic Galea li jinvolvi 14-il mużiċist ieħor, fosthom Ġorġ Curmi, Sammy Murgo, Pawlu Borg u Walter Vella. Fl-2013, flimkien ma’ Dominic Galea, ipproduċa l-album Taqbila, li jinkludi 17-il taqbila tat-tfal mill-perjodu ta’ qabel il-gwerra. Barra minn hekk, f’Jannar tal-2014 ipproduċa wkoll  l-album Hawn Jien ta’  Corazón Mizzi.steve borg and leli muscat discussing reel collection february 2012

Steve Borg kiteb xogħlijiet etnografiċi bbażati fuq riċerka magħmula fuq medda ta’ 14-il sena permezz ta’ xhieda orali fuq il-poplu Malti. L-ewwel volum ta’ Il-Maltin: għemilhom, drawwiethom, ġrajjiethom ġie ppubblikat fl-2017 minn Klabb Kotba Maltin u ntgħażel għall-Premju tal-Ktieb tas-Sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, filwaqt li t-tieni volum tnieda f’Novembru tal-2018.

 

Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta