L-Arti tal-kelma fid-diskorsi Politiċi ta’ duminku mintoff (1962) – Christabelle Borg

Nhar l-Erbgħa 30 ta’ Ġunju 2021 fis-6.00pm, Christabelle Borg, “L-Arti tal-Kelma fid-Diskorsi Politiċi ta’ Duminku Mintoff (1962)”. Din it-taħdita se tkun fuq Zoom u fuq Facebook u hija miftuħa għal kulħadd.

Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

It-taħdita se tiffoka dwar ir-riċerka li għamlet Christabelle Borg għat-teżina li kitbet bħala parti mill-kors tal-Baċellerat fl-Arti bl-Unuri fil-Malti taħt it-tmexxija tal-Professur Oliver Friggieri u l-Professur Adrian Grima.

Christabelle Borg se tagħti ħarsa lejn l-isfond politiku tad-diskorsi u l-metodoloġija ewlenija li ggwidat l-analiżi ta’ din ir-riċerka. Se tanalizza għadd ta’ tekniki u strateġiji rettoriċi li spikkaw l-aktar fil-meetings politiċi ta’ Mintoff tal-1962 u tiġbed għadd ta’ konklużjonijiet dwar il-metodu rettoriku tiegħu. Mintoff kien kapaċi ħafna fl-użu tal-lingwaġġ figurattiv u l-allużjonijiet, speċjalment dawk Bibliċi. Fl-aħħar Borg se tipproponi xi riċerka li tista’ ssir b’rabta mal-qasam tad-diskorsi.

156646582_1345048162527789_7783803183613031455_n-1-1

Christabelle Borg, għandha 21 sena u toqgħod is-Siġġiewi. Temmet il-kors tal-Baċellerat fl-Arti fil-Malti (Unuri) f’Ġunju tal-2020 u bħalissa tinsab fl-ewwel sena tal-kors tal-Masters in Teaching and Learning fil-Malti. Għandha għal qalbha l-qari, il-gżira Għawdxija u xi ħarġa bejn il-ħbieb. Borg issegwi mill-qrib ukoll ix-xena politika Maltija.

Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta