It-Tradizzjoni Orali

Dan huwa s-sit tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta dwar It-Tradizzjoni Orali. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiddokumenta u jistudja oqsma differenti tat-tradizzjoni orali f’Malta. Il-proġett qed jitmexxa minn letturi fid-Dipartiment tal-Malti megħjuna minn riċerkaturi stabbiliti u oħrajn li bdew jaħdmu f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin.

logo-gcc87did-tad-dipartiment-tal-malti_iswed.jpg

Bħala parti minn dan il-proġett, id-Dipartiment tal-Malti qed imexxi proġett ta’ riċerka ffinanzjat mill-Università ta’ Malta li permezz tiegħu qed niġbru l-biblijografija ta’ studjużi ewlenin tat-tradizzjonijiet orali f’Malta, fosthom ta’ Ġużè Cassar Pullicino, Guido Lanfranco u Ġorġ Mifsud Chircop. Permezz ta’ dan il-proġett nixtiequ li:

(a) ikollna stampa ċara tal-oqsma li ġew mistħarrġa u tal-oqsma li għadhom sajmin minn dokumentazzjoni u analiżi xierqa, u b’hekk

(b) inwittu t-triq għal fażi ġejjiena tal-proġett li tinkludi l-ġbir u l-istudju sistematiku tal-ħafna friegħi tat-tradizzjoni orali.

Ħafna mir-ritratti li jidhru f’dan is-sit ħaduhom Therese Borg u Adrian Grima.

Screen Shot 2018-05-11 at 12.43.26

X’inhi t-tradizzjoni orali?

Intervent ta’ Yanika Schembri Fava fuq il-proġett dwar It-Tradizzjoni Orali f’Jum l-Ilsien Malti fil-Palazz tal-President tar-Repubblika nhar il-21 ta’ Frar f’serata mużiko-letterarja. 

Jum l-Ilsien Malti ġie ċċelebrat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Akkademja tal-Malti u l-għaqdiet uffiċjali tal-Malti flimkien mal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta bħala parti mill-kommemorazzjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Lingwa Materna (UNESCO).

Fl-aħħar tal-intervent ta’ Yanika Schembri Fava intwera dan il-filmat qasir dwar il-proġett, bi produzzjoni ta’ Kevin Kiomall. 


Jum l-Ilsien Malti_21.02.2018 (12)
Yanika Schembri Fava qed tagħmel diskors dwar It-Tradizzjoni Orali fil-Palazz tal-President tar-Repubblika

It-tradizzjoni orali ma nafux bl-eżatt kemm ilha tevolvi, madankollu, nafu li hija wirt missirijietna f’forma ta’ komunikazzjoni li tiġbor fiha l-għarfien, l-ideat u l-kultura tal-poplu li minn żmien għal żmien għaddieha minn ġenerazzjoni għall-oħra, bl-istess mod jew b’xi varjanti. Fi kliem Oliver Friggieri, it-tradizzjoni orali Maltija hi “wirt bikri” li beda jinġabar minn għadd ta’ “studjużi u poeti” bejn l-1791 u l-1839 (“Tradizzjoni Orali”). It-tradizzjoni orali Maltija b’mod ġenerali tiġbor fiha, fost oħrajn: l-għana; il-ħrejjef; l-għajdut popolari u t-taqbiliet sempliċi li ħoloq il-bniedem, għal diversi bżonnijiet jew għanijiet. Simon Gikandi jargumenta li t-tradizzjoni orali tibqa’ biss fejn hemm il-ħajja tal-bniedem, jekk din tal-aħħar ma tkunx hemm it-tradizzjoni orali titlef il-funzjoni u tmut. Għalhekk, aħna l-bnedmin bħala s-sors primarju li nagħtu l-għajxien lil din it-tradizzjoni, importanti li nibqgħu nirriċerkaw u nfakkru din it-tradizzjoni għax wara kollox sawret parti essenzjali mill-kultura tagħna l-Maltin.

X’inhu l-iskop tal-proġett dwar it-tradizzjoni orali?

Fil-fatt, dan hu l-iskop primarju tal-proġett tat-tradizzjoni orali li qed jitmexxa mid-Dipartiment tal-Malti tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta. Dan il-proġett qed isir bl-għan li jiġbor, jiddokumenta u jippubblika arkivju tax-xogħlijiet dwar it-tradizzjoni orali biex ikun jista’ jorganizza u jistimola aktar riċerka sistematika f’dan il-qasam. L-għan ta’ dan il-proġett għalhekk jinferaq fi tlieta. Primarjament, issir ġabra tal-istudji marbutin mal-oqsma varji tat-tradizzjoni orali. Wara, dawn ix-xogħlijiet jiġu kkategorizzati u ddokumentati. U fl-aħħar, ir-riżorsi jittellgħu fuq is-sit u fuq il-paġna ta’ Facebook bl-isem ta’ ‘it-Tradizzjoni Orali’ li ġew imfassla apposta għal dan il-proġett.

Fis-sit, kif ukoll fil-paġna ta’ Facebook, wieħed jista’ jgawdi mill-ħidma li saret sa issa, ngħidu aħna: intervisti ma’ riċerkaturi ewlenin f’dan il-qasam; riżorsi marbutin mat-tradizzjoni orali u filmati ta’ taħditiet li saru minn studjużi li b’xi mod jolqtu t-tradizzjoni orali. Sa issa saru 14-il taħdita u sa Marzu ta’ din is-sena għandna skedati diġà 5 taħditiet. Id-dati ta’ meta se jsiru wieħed jista’ jarahom mis-sit jew mill-paġna ta’ Facebook  ta’ dan il-proġett. Ħdimna wkoll fuq biblijografija sħiħa ta’ studjużi ewlenin tat-Tradizzjoni Orali Maltija, ngħidu aħna, Guido Lanfranco, Ġużè Cassar Pullicino u Ġorġ Mifsud-Chircop u dalwaqt se tkun għall-pubbliku fuq is-sit. Dan kollu qed isir biex fost oħrajn nilħqu l-ewwel għan tagħna, li nkomplu nħeġġu aktar riċerka f’dan il-qasam u dan grazzi għall-finanzi li qed tagħtina l-Università ta’ Malta. Fl-aħħar, fi proġett bħal dan (dwar it-tradizzjoni orali) ma tistax tibqa’ biss fuq dak li tiskopri mill-kotba u r-riċerkaturi, iżda huwa importanti, u forsi wkoll id-dritt ta’ min iħaddan din it-tradizzjoni, li l-versi jew l-għajdut tiegħu jiġu ppreżentati kif mistqarra minnu stess. Għalhekk, fis-sit hemm ukoll ħolqa li wieħed jista’ jaqsam kwalunkwe informazzjoni relatata mat-tradizzjoni orali.

F’isem id-Dipartiment tal-Malti tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u l-membri li jikkoordinaw dan il-proġett: Prof. Adrian Grima, Dr Michael Spagnol, Prof. Manwel Mifsud u membri oħra li jgħinu: Daniel Bezzina, Michael Deguara, Marlene Mifsud-Chircop, Rita Saliba, u Ġużi Gatt nirringrazzjakom tal-istedina biex nesponu l-proġett dwar it-tradizzjoni orali.

Yanika Schembri Fava


Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta