Il-Ħrejjef li Rrakkontawli fi Tfuliti

Rita.jpgNhar it-Tlieta 26 ta’ Frar 2019, fis-6.00pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Rita Saliba se tagħmel taħdita li fiha tirrakkonta l-ħrejjef li rrakkontawlha fi tfulitha, bħala parti mill-proġett dwar It-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università. Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn. Il-pubbliku huwa mistieden jipparteċipa, jiftakar u jirrakkonta ħrejjef mit-tfulija.

Rita SalibaRita Saliba se tirrakkonta t-trobbija tagħha qalb il-ħrejjef li kienu jgħidulha: minn stejjer popolari sa oħrajn biex jgħaddulha messaġġ jew tagħlima; minn ħrejjef ta’ rġejjen u bhejjem u siġar imsaħħra. Madankollu, aktar mir-rakkont innifsu, se turi kif dawn l-istejjer baqgħu jduru ġo rasha anki wara li spiċċat l-istorja.

Rita Saliba se tispjega kif fihom sabet kultura ta’ komunità, ta’ biżgħat fi żmien ta’ bombardamenti mill-ajru u ta’ dak li tistħajjel tifla fid-dinja reali. F’din it-taħdita se joħorġu wkoll xi varjanti ta’ rakkuntar popolari permezz ta’ xhieda ħajja mir-raħal li trabbiet fih Saliba, l-Imqabba.

Rita SalibaRita Saliba hija kittieba magħrufa għal-letteratura għat-tfal u għall-adolexxenti. Madankollu, tħobb tikteb ukoll għall-adulti.

Hija rebħet il-Konkors Nazzjonali ta’ kitba għaż-żgħażagħ u l-adolexxenti tliet darbiet bir-rumanzi tagħha Inżul ix-Xemx (2011), Bella Berger (2013) u Il-Kulur tal-lellux (2016). Ħarġet l-ewwel ġabra ta’ novelli tagħha, Satin, fl-2014 (innominat għall-Premju tal-Ktieb). Ġabra oħra ta’ novelli, Damask, ħarġet fis-sajf tal-2017, u l-aħħar ġabra tagħha ta’ novelli għall-adulti, Ħjut ħarġet fl-2018. Dan l-aħħar ħarġu wkoll l-ewwel tliet kotba mis-sensiela dwar karattru simpatku, Gabrijel irid misluta, Gabrijel u t-tikek u Il-flokk tar-rokit (2018).

Saliba rebħet it-tieni premju fil-kategorija Poeżiji bl-Ingliż u kisbet ir-raba’ post fil-kategorija Poeżiji bil-Malti, f’konkors imniedi mill-Għaqda Poeti Maltin u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għall-festival tal-ktieb tal-2018.