IL-ĦAĠA MOĦĠAĠA – MICHELA SALIBA

Nhar il-Ħamis, 18 ta’ Ottubru 2018, fis-6.00pm, Michela Saliba se tagħmel taħdita fis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali, L-Università ta’ Malta​, bit-tema, “Il-Ħaġa Moħġaġa.” Din it-taħdita hija miftuħa għal kulħadd u se ssir fis-Sala tal-Perjodiċi tal-Librerija ċentrali tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq.

Il-ħaġa moħġaġa, fergħa tat-tradizzjoni orali, hija logħba bil-kliem tradizzjonali li tikkonsisti minn stqarrija jew mistoqsija, aktarx f’għamla ta’ ftit versi, li s-semmiegħa jridu jaqtgħu x’inhi. F’din it-taħdita Michela Saliba se tippreżenta studju li għamlet fuq ġabrakbira ta’ ħwejjeġ moħġaġa li rnexxielha tiġbor minn lokalitajiet differenti. Se tiddiskuti t-temi li jissemmew f’dawn l-indovinelli, l-istruttura tagħhom, u l-varjanti li nsibu fuq fomm il-poplu.

Michela Saliba, ta’ 21 sena minn Ħad-Dingli, għadha kemm temmet il-Baċellerat fil-Malti (Unuri) b’teżi li stħarrġet aspetti differenti tal-ħaġa moħġaġa Maltija. Ir-ricerka ghamlitha ma’ 100 ruħ bejn l-40 u s-60 sena minn 24 lokalità f’Malta u Ghawdex. Tixtieq tkompli tistudja sabiex twettaq il-ħolma tagħha li ssir għalliema tal-Malti.

Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta