L-Għana tal-Fatt

Taħdita pubblika ta’ Marlene Mifsud Chircop fuq L-Għana tal-Fatt

Nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Novembru 2016, Marlene Mifsud Chircop se tagħmel taħdita pubblika dwar “L-Għana tal-Fatt” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università tal-Qroqq fis-6.00pm. Kulħadd mistieden. Dħul b’xejn.

marlene-mifsud-chircop-tradizzjoni-orali.jpg

Din hija r-raba’ taħdita minn sensiela organizzata mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti dwar It-Tradizzjoni Orali. L-ewwel erba’ taħditiet saru mill-Prof. Mourad Yelles tal-Inalco f’Pariġi, minn Yanika Schembri Fava u minn Dr Toni Sant. Il-proġett għandu sit fuq l-internet fl-indirizz tradizzjonioraliblog.wordpress.comu paġna fuq Facebook, https://www.facebook.com/uom.tradizzjoniorali/.

15135807_1846542098914736_8910120240277291170_n.jpg

L-għana tal-fatt (il-ballata) għadu jitgħanna sal-lum f’Malta u barra fejn hemm emigranti Maltin. Għandu storja ta’ ħames mitt sena imma fl-ewwel tliet mija u ħamsin minnhom intilef ħafna minnu, waqt li fil-mija u ħamsin sena ta’ wara, wara l-kisba tal-libertà tal-Istampa f’Malta, inġabru fuq mitejn fatt. F’din it-taħdita, Marlene Mifsud Chircop sa titkellem fuq ir-riċerka li għamlet f’dan il-qasam tat-tradizzjoni orali, il-wirt intanġibbli tal-għana Malti, speċjalment fuq il-firxa tal-letteratura tat-triq u l-produzzjoni tagħha, fuq delitti li għannew fuqhom fil-parti l-kbira malli ġraw, jew malli l-ikkundannat ħa l-kastig. Sa tkellimna wkoll fuq l-għannej tal-fatti u l-udjenza tiegħu, l-istil tal-ftuħ u l-għeluq tal-fatt, il-fażijiet tal-liminalità li fih, il-fatt bħala forma ta’ protesta, il-mobbiltà kulturali tiegħu, u l-każ ta’ Ċikku Fenech li għadha tiftakar kif ġara.

Il-proġett qed jitmexxa minn Dr Adrian Grima (koordinatur), il-Prof. Manwel Mifsud u Dr Michael Spagnol, bl-għajnuna ta’ għadd ta’ esperti f’oqsma differenti tat-tradizzjoni orali Maltija.

15171034_1846541485581464_4186224968691571610_n.jpg

Marlene Mifsud Chircop, għalliema u riċerkatriċi indipendenti, ħadmet mal-folklorista Ġuże Cassar Pullicino u mal-mejjet żewġha, il-folklorista antropoloġiku Ġorġ Mifsud Chircop. Wara l-ewwel teżi tagħha “Il-Folklor fir- Rumanz Storiku/Romantiku Malti” (1972) u t-tieni “A Motif-Index of the Maltese Folktale” għall-M.A., kompliet bir-riċerka fin-narrattiva popolari, fl-irrakkuntar u fl-għana Malti, illum il-ġurnata b’mod speċjali l-element kulturali u soċjali fl-għana tal-fatt.

Flimkien ma’ żewġha, ikkoproduċiet u ppreżentat 26 dokumentarju kulturali ta’ 45 minuta għat-televixin: Ix-xogħol Waħdu Jurik u Fuq Għajnejk (1996, 2001, Dir. Alvin Scicluna) u għar-radju Maltese Folklore in the Modern World (2000) u A Folk Festival in Malta (2003). Interpretat u ttraduċiet kemm-il darba l-għana u l-irrakkuntar waqt festivals Malta u barra.

Ħadet sehem f’konferenzi Malta u barra, fejn ippreżentat fost l-oħrajn “Mnarja – a Midsummer’s Festival in Contemporary Malta” (Gothenburg 2006), “Maltese Folk Narrative” (Isle of Bute 2011), “Good Friday Processions in Contemporary Malta” (Innsbruck 2014), “The First Ten Years of the Maltese Folk singing Festival” (Malta 2014), The Development of Maltese Ballads (Malta 2014). Barra diversi sessjonijiet tal-għana u tal-irrakkuntar, kemm f’Malta kif ukoll barra, ideat u koorganizzat l-attivita kulturali “Grimani Min Qatlu?” għal Science in the City (Malta 2014).

min-qatel

Ftit ġimgħat ilu Marlene Mifsud Chircop ħarġet il-ktieb Min Qatel il-Patri? (Klabb Kotba Maltin) mar-Rev. Dr Mark Montebello.

Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta