It-Talb minn Fomm l-Għawdxin

Nhar il-Ħamis 16 ta’ Marzu 2023, fis-6.00pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Amy Azzopardi se tagħmel taħdita dwar “It-Talb minn Fomm l-Għawdxin”.

Din it-taħdita se tkun miftuħa għal kulħadd u se tintwera wkoll diretta fuq Zoom u Facebook bħala parti mill-proġett tad-Dipartiment tal-Malti fuq It-Tradizzjoni Orali.

Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u Klabb Kotba Maltin.

Din it-taħdita hija dwar it-talb orali li jingħad fost l-Għawdxin. Minkejja li dan it-talb ilu jintiret permezz tal-fomm għal diversi snin, ftit li xejn inkitbu studji fuq dan il-qasam tat-Tradizzjoni Orali. Kien għalhekk li Amy ddeċediet li tirriċerka dwar it-talb orali Għawdxi. Mill-istudju tagħha ħarġu punti varji li ser ikunu ttrattati f’din it-taħdita, fosthom: il-varjazzjoni fir-reġistru u t-tul tat-talb, ir-rima djalettali u anka r-raġunijiet għala jitlob il-popolin

Amy Azzopardi, minn Ta’ Kerċem, Għawdex gradwat b’Baċellerat fl-Arti bl-Unuri fil-Malti. It-teżi tagħha hija dwar “Il-Ġbir u l-Analiżi tat-Talb minn Fomm l-Għawdxin” taħt is-superviżjoni ta’ Yanika Schembri Fava. Bħalissa qed tagħmel Maġisteru biex issir għalliem għax temmen li b’din il-professjoni ser titrażmetti fl-istudenti tagħha l-għarfien u l-passjoni li għandha lejn il-Malti.

Leave a comment