Gaetano Kanta u l-Kanzunetta Popolari

Isma’ l-intervista ta’ Theresa Gauci fil-programm Rokna Kulturali fuq Radju Malta li xxandret it-Tnejn, 6 ta’ Mejju 2019:

Nhar it-Tlieta, 7 ta’ Mejju 2019, fis-6.00pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Università ta’ Malta Dorothy Bezzina se tagħmel taħdita dwar Gaetano Buttigieg u l-Kanzunetta Popolari bħala parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Fakultà tal-Università ta’ Malta. Din it-taħdita hija miftuħa għal kulħadd u d-dħul huwa b’xejn.

Gaetano Buttigieg 1

Gaetano Buttigieg 2Gaetano Buttigieg (1923-2004) huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa esponenti tal-użu ta’ lsienna fil-qasam tal-kanzunetta popolari. Fi żmien li fih il-Malti kien jitqies aħrax wisq għall-kanzunetti minn bosta, huwa għaraf iħaddem tajjeb il-kelma fil-lirika li kien jadatta għall-melodiji Taljani u Ingliżi li kienu jolqtuh. Il-ħila tiegħu li jikteb b’ħeffa tal-għaġeb, filwaqt li jipproduċi versi mill-aktar melodjużi, fetħitlu quddiemu t-triq tas-suċċess u wasslitu fost numru kbir ta’ familji Maltin li kienu qegħdin jieħdu gost ikantaw l-istili ta’ żmienhom bil-lingwa tagħhom.

Minkejja li Gaetano kiteb għadd kbir ta’ liriċi, uħud minnhom stampati fl-għoxrin ktieb li GB Pubblikazzjonijietppubblika, in-nuqqas ta’ rikordings disponibbli għall-pubbliku, sfortunatament, wassal biex ix-xogħol tiegħu jisfa midfun taħt mewġiet mużikali oħra li maż-żmien sfruttaw il-mezzi ġodda ta’ pubblikazzjoni, propaganda u tixrid tal-prodott tagħhom. Għalhekk, minbarra li t-taħdita se tfakkar il-memorja u tiffoka fuq il-ħidma ta’ Buttigieg billi tqegħedha fil-kuntest ta’ żmienha, għandha toffri lil min jattendi l-opportunità li jisma’ u japprezza siltiet li qed jerġgħu jieħdu l-ħajja wara tant snin.

Dorothy BezzinaDorothy Bezzina għandha għal qalbha l-mużika u l-Malti. Dan l-aħħar għadha kemm temmet l-istudji tagħha fil-grad ta’ MA fil-qasam tal-kanzunetta popolari mad-Dipartiment tal-Malti. Hija kisbet ukoll Baċellerat fil-Malti u fl-Ingliż, Diploma Postgradwatorja fl-Interpretazzjoni, u PGCE mill-Università ta’ Malta, kif ukoll MA fl-Ingliż mill-Università ta’ Nottingham.

Serviet ukoll bħala Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Malti – Università, u fil-preżent tgħallem il-Malti lil studenti mill-ewwel sal-ħames sena sekondarja fil-Kulleġġ Savio. Dorothy stabbilixxiet ruħha wkoll fix-xena mużikali. Hija tistudja l-vuċi klassika taħt id-direzzjoni tas-Sopran Miriam Cauchi u hija kantanta versatili, bi flessibbiltà li tippermettilha tkanta ġeneri differenti. Ħadet ħsieb id-direzzjoni artistika ta’ diversi kunċerti, fosthom Dari Niftakar, b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Manoel, bl-għan li terġa’ toħroġ għad-dawl il-lirika li kiteb Gaetano Buttigieg fuq melodiji popolari tal-ħamsinijiet u s-sittinijiet. Ħadet sehem f’diversi kunċerti annwali u kommemorattivi mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u l-Valletta International Baroque Ensemble, kif ukoll f’kunċerti privati u serati mużiko-letterarji. Gawdiet ukoll minn numru ta’ opportunitajiet barra minn Malta, fosthom fi Spanja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju u r-Royal Albert Hall f’Londra, akkumpanjata mill-Orkestra Filarmonika Rjali.

Mostri Maltin

Nhar it-Tlieta 5 ta’ Novembru 2019, fis-6.00 pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, tal-Qroqq, Il-bijologu Stephan D. Mifsud, awtur ta’ The Maltese Bestiary, se jagħmel taħdita bil-Malti dwar il-mostri tal-folklor Malti. Din se tkun attività oħra mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali, proġett tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta li issa daħal fir-raba’ sena tiegħu u qed isir bil-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u bl-appoġġ tal-Klabb Kotba Maltin.

Image result for the maltese bestiary

Fost il-karattri, il-ħlejjaq u l-flora straordinarja fit-tradizzjoni orali Maltija, dawk li joħolqu l-iktar interess huma dawk li jbeżżgħu: il-mostri. Din it-taħdita se tħares lejn dawn il-ħlejjaq li jeżistu, jew li kienu jgħixu, fil-fantasija tal-poplu Malti, kemm jekk oriġinaw min-natura, u kemm jekk nibtu f’moħħ il-Maltin jew il-barranin.

xifajk
Tpinġija ta’ Stephan D. Mifsud

Fit-taħdita l-kelliem se jistaqsi jekk nistgħux nikklassifikaw dawn il-mostri fi gruppi, bħalma nagħmlu fil-bijoloġija. It-taħdita se tħares ukoll lejn kif fil-passat il-ġens Malti ddeskriva dawn il-mostri b’mod viżiv fil-bestjarji, fl-arkitettura u fil-pittura.

Stephan D. Mifsud.jpgStephan D. Mifsud hu l-awtur tal-ktieb The Maltese Bestiary ippubblikat minn Merlin Publishers fl-2014 u rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-aħjar disinn. Stephan Mifsud huwa bijologu, b’interess kbir fil-pjanti strambi u fl-annimali estinti, u fil-mostri u fil-kreaturi li joħorġu minn moħħ il-bniedem u li nsibu fil-leġġendi u fil-fantasija.


um-tradizzjoniorali-19-square-1-3

Public Talk in Maltese on Fearful Maltese Beasts

On Tuesday 5 November 2019, at 6.00 pm in the Library of the Faculty of Arts at the University of Malta in Tal-Qroqq, biologist Stephan D. Mifsud, author of The Maltese Bestiary, will give a public talk in Maltese on the beasts that appear in Maltese folklore. This event is part of this year’s series of talks hosted by the Department of Maltese at the University for its project on Oral Traditions. This project is supported by the Research Fund of the University and Klabb Kotba Maltin.

Although there were various wonderful entities and fantastic creatures that populated traditional folklore and local superstition, it is still the fearful beasts that capture the imagination of Maltese audiences. In this presentation, Stephan D. Mifsud will dissect the terrible monsters that haunted the Maltese mind, whether they originated from nature, from local culture or from other nations.

The talk will focus on the various ways, biological or otherwise, in which we can classify these monsters. The speaker will also discuss the ways in which these fearful beasts were described in oral traditions and in visual representations.

Stephan Mifsud is the author of The Maltese Bestiary, an illustrated guide to the mythical flora and fauna of the Maltese islands published by Merlin Publishers in 2014 and winner of the National Book Prize for Best Book Design. He is a biologist by profession with an abnormal interest in bizarre plants and extinct animals, and an unnatural fascination with the monsters and creatures that spew from the human mind in myth and fantasy. Unfortunately diving, painting, gardening, researching and video gaming leave too little time for his other passion: writing.


 

The Status of Oral Tradition in Literary Canons in Algeria

It-Tlieta 21 ta’ Mejju 2019, 6.00pm, il-Prof. Mourad Yelles mill-Inalco ta’ Pariġi se jagħmel taħdita dwar “The Status of Oral Tradition in the Formation and Evolution of Literary Canons in Algeria : from colonial to post-colonial contexts,” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq.

DSC_0359.JPG

Mourad Yelles għandu esperjenza kbira fil-qasam tal-tradizzjoni orali fil-Mediterran u jaf lil Malta u dan il-proġett tad-Dipartiment tal-Malti sew.

DSC_0379.JPG

Il-Prof. Yelles speċjalizza fil-letteratura komparata u r-riċerka tiegħu tiffoka fuq l-influwenzi ta’ letteraturi differenti fuq xulxin, il-kitbiet u t-tradizzjonijiet orali tal-Magreb, u fuq iċ-ċinema, il-mużika, u l-immaġinarji postkolonjali. Il-Prof. Yelles studja fl-Universitajiet tal-Algier, Londra (SOAS) u s-Sorbonne (Paris 3). Kemm-il darba għamel taħditiet akkademiċi organizzati mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, fosthom l-ewwel taħdita mis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali li saret f’Mejju tal-2016.


 

Xogħol Mibdi jew Li Għad Irid Isir

It-Tlieta 14 ta’ Mejju 2019, 6.00pm, Yanika Schembri Fava, “Xogħol Mibdi jew Li Għad Irid Isir,” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq.

Din hija intervista ma’ Yanika Schembri Fava ta’ Theresa Gauci fil-programm Rokna Kulturali fuq Radju Malta li xxandar it-Tnejn 13 ta’ Mejju 2019. 

Fil-ktieb Il-Folklore Malti (1975), fl-aħħar kapitlu “Xogħol Mibdi jew li Għad Irid Isir,” Ġużè Cassar Pullicino jagħti rendikont ta’ xi oqsma sajmin mit-tradizzjoni orali li rridu nirriċerkaw. Cassar Pullicino jħeġġeġ lir-riċerkaturi biex jgħaddu iżjed ’il quddiem “fis-suġġett fuq il-linji ġodda,” jonkella jorbtu u jgħaqqdu flimkien “it-trufijiet imxerrda ta’ xogħlijiet mibdija bla mitmuma.”

il-folklore-malti

Din it-taħdita se turi kif permezz ta’ dan il-proġett dwar it-Tradizzjoni Orali mxejna fuq il-passi ta’ Cassar Pullicino. Yanika Schembri Fava, barra li se tiffoka fuq ix-xogħlijiet li għamilna fi tliet snin ta’ ħidma fil-proġett dwar it-tradizzjoni orali, wara 44 sena mill-kapitlu li kiteb Cassar Pullicino, se titfa’ dawl fuq dawk l-oqsma li jeħtieġu aktar riċerka. Fit-taħdita se jkun hemm diskussjoni strutturata mal-udjenza bl-għan li jinkixfu aktar aspetti biex nimxu aktar ’il quddiem fil-ħidma ta’ dan il-proġett.

Ħajr lill-Fond ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u lill-Klabb Kotba Maltin tal-għajnuna li jagħtu lil dan il-proġett.

yanika schembri fava tvm.png

Yanika Schembri Fava hija r-riċerkatriċi ewlenija u l-amminstratriċi tal-proġett tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università dwar It-Tradizzjoni Orali. Studjat il-Malti fl-Università ta’ Malta u kitbet it-teżi tal-baċellerat bit-titlu “Funzjonijiet Soċjali tal-Vers Popolari Malti: Is-Seħta u l-Iskunġrar” (2016). Fil-futur beħsiebha tippubblika l-ewwel ktieb tagħha b’versi popolari ta’ seħta u ta’ skunġrar, kemm mir-riċerka li għamlet għat-teżi, kif ukoll wara. Il-qasam tat-tradizzjoni orali, beda jinteressaha minn mindu kienet żgħira, meta kienet tara persuni qrib tagħha jużaw xi versi superstizzjużi u taħnin biex iraqqdu t-trabi. Madankollu, l-interess kompla kiber meta studjat “L-Eqdem Testi Poetiċi Maltin,” fosthom il-versi popolari Maltin.

Wara li tlesti l-Masters fit-tagħlim, Yanika Schembri Fava beħsiebha tkompli l-istudji tagħha fit-tradizzjoni orali fil-livell ta’ Masters.

GuzeCassarPullicino.jpg

Dwar Ġużè Cassar Pullicino: https://akkademjatalmalti.org/bijografiji/guze-cassar-pullicino/


 

Il-Basli Jirrakkonta x-Xagħra l-Ħamra bejn l-1881 u l-2019

Nhar it-Tlieta 9 ta’ April 2019, fis-6.00pm, il-bidwi Joe Sciberras se jirrakkonta l-istorja orali tax-Xagħra l-Ħamra (biswit il-Manikata) bejn l-1881 u l-2019,” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Din se tkun taħdita oħra mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali. Dan huwa proġett ta’ riċerka tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta li qed isir bl-appoġġ tal-Fond tar-Riċerka tal-Università u l-Klabb Kotba Maltin.

Joe Sciberras il-Basli beda jżur ix-Xaghra l-Ħamra man-nannu, in-nanna u z-zijiet meta kellu 5 snin,. Meta tfarfar beda jaħdem il-biċċa raba li kellu hemmhekk u bil-mod il-mod beda jkabbar. Wara xi żmien beda jaħdem il-biċċa raba li kellu n-nannu, u mbagħad il-biċċa tal-kuġin ta’ missieru. U spiċċa bir-raba’ ta’ ħames ishma. Illum jaħdem mal-100 tomna raba’. Minħabba x-xogħol tar-raba’, Joe Sciberras ħadem bħala multiskill fitter mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u llum jieħu ħsieb l-imsaġar tal-Aħrax tal-Mellieħa u qiegħed jaħdem part-time fl-iskola tal-Gvern tal-Wardija fejn qed jgħallem lill-istudenti jaħdmu r-raba’ b’mod organiku.

Ħafna minn dak li se jirrakkonta Joe Sciberras fuq ix-Xagħra l-Ħamra sar jafu bil-fomm mingħand il-kuġin ta’ missieru u mingħand nies oħrajn li għexu fl-inħawi matul is-seklu 20. Għalhekk se jinsisti fuq l-importanza tar-rakkont orali għax ċertu għerf u tagħrif jgħaddi bil-fomm minn ġenerazzjoni għal oħra mingħajr ma jiġi rreġistrat bil-miktub.

Joe Sciberras se jitkellem fuq ir-riċerka tiegħu dwar it-tqassim tal-artijiet fix-Xagħra l-Ħamra li beda għall-ħabta tal-1881. Kienu l-bdiewa li żviluppawha din il-medda ta’ art f’raba’. Meta miet is-sid ta’ biċċa art kbira, ir-raba’ tqassam bejn għadd ta’ bdiewa. Aktarx qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, is-servizzi Ingliżi xtraw iċ-ċens biex jagħmlu l-manuvri militari f’dawk l-inħawi. Minħabba li l-manuvri kienu jsiru bil-“munizzjon ħaj” weġġgħu ħafna nies li kienu jaħdmu jew iżuru l-inħawi. Joe Sciberras se jsemmi l-każ traġiku ta’ tlett itfal li miet minħabba l-munizzjon li ħallew warajhom is-suldati Ingliżi.

Il-qraba u l-ħbieb tal-Basli jirrakkontaw ukoll li fit-Tieni Gwerra Dinjija, għall-ħabta tal-1943-44, l-Eight Army Ingliża li ġġieldet fl-Afrika ta’ Fuq kienet ikkampjata x-Xagħra l-Ħamra qabel telqet minn Malta biex tieħu sehem fl-invażjoni ta’ Sqallija. Fi żmien il-Gwerra, fil-kamp ta’ Għajn Tuffieħa kien hemm stazzjonati ħafna nies tal-militar u għalhekk l-ajruplani tal-għadu sikwit kienu jattakkaw l-inħawi.

il-park tal-majjistral

Każ minnhom seħħ fl-1942, lejlet San Ġużepp. Joe Sciberras sar jaf bih mingħand nies tal-familja tiegħu li kienu jaħdmu bħala baqquniera f’dawk l-inħawi. Żewġ ekwipaġġi ta’ sottomarini kienu qegħdin Għajntuffieħa għax ma kellhomx fuel biex iħaddmu l-bastimenti tagħhom. Jidher li l-Ġermaniżi saru jafu li kienu hemm u attakkaw il-kwartieri ta’ dawn il-baħrin u qatluhom kollha.

Barra minn hekk, darba minnhom l-ajruplani waddbu l-bombi tan-nar imma ma qabdux għax l-ajru kien umdu. Il-bdiewa li kienu qed jaħdmu r-raba’x-Xagħra l-Ħamra raw kollox quddiem għajnejhom.

Joe Sciberras il-Basli se jitkellem ukoll fuq l-ismijiet li hemm l-irdum li jintużaw mis-sajjieda, il-bdiewa u l-kaċċaturi, imma li mhuma mniżżlin fuq ebda pjanta. Bħala isem, anki “x-Xagħra l-Ħamra” ma jidher imkien fid-dokumenti u l-pjanti: minflok hemm żewġ ismijiet għal oqsma biswit xulxin, ix-Xagħra ta’ Għajn Żnuber u x-Xagħra tal-Kortin. Joe Sciberras għandu jitkellem fuq in-nisel ta’ dan l-isem li jeżisti biss fit-tradizzjoni orali.

Joe Sciberras żagħżugħ
Ritratt mill-imgħoddi ta’ Joe Sciberras il-Basli

F’din it-tielet sena tal-proġett fuq It-Tradizzjoni Orali jonqos isiru tliet taħditiet oħrajn:

  • It-Tlieta 7 ta’ Mejju 2019, 6.00pm, Dorothy Bezzina, “Gaetano Kanta u l-Kanzunetta Popolari,” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq,
  • It-Tlieta 14 ta’ Mejju 2019, 6.00pm, Yanika Schembri Fava, “Xogħol Mibdi jew Li Għad Irid Isir, 53 sena wara Cassar Pullicino,” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq.
  • It-Tlieta 21 ta’ Mejju 2019, 6.00pm, Prof. Mourad Yelles (Inalco), “The Status of Oral Tradition in the Formation and Evolution of Literary Canons in Algeria : from colonial to post-colonial contexts,” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq.

L-attivitajiet kollha tal-proġett fuq It-Tradizzjoni Orali huma miftuħin għall-pubbliku inġenerali u d-dħul għalihom huwa b’xejn.

majjistral

Is-sit tal-proġett jinsab hawnhekk. http://tradizzjoniorali.org. Il-proġett għandu wkoll paġna fuq Facebook: https://www.facebook.com/um.tradizzjoniorali/.