It-Tradizzjoni, l-Orali u l-Invenzjoni

Kitba u ritratti ta’ Adrian Grima

ilsienna -

F’Jannar tal-2020, il-produtturi tal-programm Ilsienna li jixxandar fuq TVM talbuni biex nitkellem fuq it-tradizzjoni orali, aktarx minħabba l-fatt li mmexxi l-proġett tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta fuq It-Tradizzjoni Orali. Dal-proġett bdejnieh fl-2016 u issa ninsabu fir-raba’ sena tiegħu. Għamilna diġà iktar minn 40 taħdita pubblika u ħafna xogħol ta’ riċerka, speċjalment dak immexxi minn Yanika Schembri Fava.

Jien u nħejji ruħi biex inwieġeb il-mistoqsijiet li ħejja Kit Azzopardi għall-programm Ilsienna, bdejt nikteb dak li ridt ngħid. Waqt il-programm innifsu, ilħaqt għedt ftit ħafna, u għaldaqstant iddeċidejt li nippubblika din il-kitba.

dsc_0915
Vince Piccinino, it-tieni mil-lemin, jgħid ċajta waqt il-lejla “Ġej iċ-Ċajt” fis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti tal-Univeristà ta’ Malta (Marzu 2019)

It-terminu “tradizzjoni orali” jinstema’ sempliċi: huwa dak il-wirt kulturali ta’ kliem jew diskors li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra bil-fomm. L-istudju ta’ din it-tradizzjoni huwa bħallikieku ritratt tagħha f’mument storiku partikulari, mhux rendikont definittiv. Għax tradizzjoni hija tisħiħ ta’ wirt imma anki invenzjoni.

“Tradizzjoni”

Il-kelma “tradizzjoni” ġġegħelna naħsbu f’fenomenu kulturali li għandu ż-żmien. Diffiċli tgħid kemm irid ikollu żmien biex inqisuh bħala “tradizzjonali,” għax kulħadd għandu l-interpretazzjoni tiegħu ta’ x’inhu “tradizzjonali.” Imma ejja ngħidu, għall-grazzja tal-argument, li qed nitkellmu fuq affarijiet bħal espressjonijiet, qwiel, taqbiliet, ħrejjef, stejjer, ismijiet ta’ postijiet, jew laqmijiet ta’ nies li ilhom jeżistu xi mitt sena jew iżjed u li ntirtu bil-fomm. Kif tgħid Yanika Schembri Fava, dawn l-elementi għandhom diversi funzjonijiet u jissodisfaw diversi bżonnijiet (“X’Inhi t-Tradizzjoni Orali”). Waqt li bosta studjużi tal-folklor u l-ilsien Malti kitbu fuq għadd ta’ oqsma “stabbiliti” tat-tradizzjoni orali, bħall-qwiel u l-idjomi, l-għana u l-ħrejjef, hemm oqsma inqas “konvenzjonali” bħaċ-ċajt, li għadhom ma ġewx studjati sew. Għax anki l-istudju tat-tradizzjoni, bħal kull dixxiplina oħra, għandu l-konvenzjonijet u t-tradizzjonijiet tiegħu.

Skont Eric Hobsbawm, “The object and characteristic of ‘traditions’, including invented ones, is invariance. The past, real or invented, to which they refer imposes fixed (normally formalized) practices, such as repetition” (“Introduction: Inventing Traditions” 2). It-tradizzjonijiet irridu nħarsu lejhom b’ċerta kawtela, għax hemm tradizzjonijiet li jidhru qodma ħafna, jew jippreżentaw ruħhom bħala qodma ħafna, u fil-fatt ikunu pjuttost riċenti (Hobsbawm 1). Kultant ikun ivvintahom xi ħadd, forsi biex jimla dak li jidher bħala vojt fil-wirt kulturali. Hobsbawm jagħti l-eżempju tan-nazzjonaliżmu Żvizzeru li ħoloq għanjiet ġodda, ħafna drabi miktubin minn għalliema tal-iskola, “bl-istess idjoma” tal-għanjiet folkloristiċi Żvizzeri, imma b’temi “patrijottiċi-progressivi” u kantati minn korijiet minflok individwi (6).

Il-qasam tal-għanjiet u l-kanzunetti Maltin huwa fenomenu interessanti. Nassumi li bħali, ħafna Maltin iqisu “It-Tieġ tan-Neputija” bħala kanzunetta tradizzjonali. Fil-fatt ħariġha Tony Camilleri fl-1974, imma l-melodija u t-tematika tagħha aktarx jikkoinċidu ma’ dak li f’moħħna huwa “tradizzjonali.” Jista’ jkun li kanzunetta bħal din timla dak li nqisu bħala vojt fir-repertorju tagħna. Meta niġu biex inkantaw kanzunetta biex niċċelebraw flimkien bħala komunità jista’ jkun li nagħżlu d-diska ta’ Freddie Portelli “Viva Malta,” xogħol tal-1966 (“Freddie Portelli,” M3P). Meta tqis, ngħidu aħna, li s-sagas medjevali tal-Iżlandiżi, li jirrakkontaw ġrajjiet li seħħu bejn is-seklu 9 u l-bidu tas-seklu 11, u mbagħad inkitbu fis-seklu 13 u 14 (“Sagas of Icelanders”), diffiċli tħares lejn dawn iż-żewġ kanzunetti Maltin bħala “tradizzjonali.” Almenu mhumiex tradizzjonali “daqs” is-sagas Iżlandiżi, għax fejn tidħol it-tradizzjoni, iż-żmien huwa fattur importanti. Imma fil-kuntest tagħna, aktarx li issa saru parti mit-tradizzjoni orali tagħna. Eżempji oħrajn huma l-kanzunetti ta’ Gaetano Kanta tas-snin 50 u 60, bħall-makkjetta ““Immorru għaż-żrinġijiet,” jew “L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel,” bi kliem ta’ Alfred C. Sant u mużika ta’ Paul Abela, li ħariġha l-grupp New Cuorey, kantata mill-mibki Sammy Bartolo, fl-1976 (“Sammy Bartolo, M3P). Dawn ix-xogħlijiet imlew vojt kbir fir-repertorju tal-għanja bil-Malti.

dsc_0059
Joe Sciberras waqt il-lejla, “Il-Basli Jirrakkonta x-Xagħra l-Ħamra 1881-2019” fis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti tal-Univeristà ta’ Malta (April 2019)

“Orali”

Il-kelma l-oħra, “orali,” hija problematika wkoll. Għax kultant dak li mingħalina jkun għadda minn fomm għal fomm ikun beda bħala xogħol miktub. U kultant ukoll, it-tradizzjonijiet orali jibqgħu ħajjin għax jinkitbu. Illum, ngħidu aħna, ħafna mill-għanjiet qodma li għandna fil-forma ta’ kwartini, jiġifieri erba’ versi ottonarji bir-rima mqabbża, nafuhom għax kien hemm min ġabarhom minn fomm in-nies u kitibhom.

Ferm iżjed antiki bħala forma mill-makkjetta ta’ Carlo Satariano jew Gaetano Kanta  u mill-kanzunetta ta’ wara l-Indipendenza, imma ferm inqas magħrufin min-nies, huma l-għanjiet, fil-forma ta’ kwartini, li mbagħad inkitbu biex ma jintilfux, fosthom dawn it-tnejn minn tlieta li ġabar St Priest fl-1791:

Għadira li tixrob minnha

Nitolbok, la ddardarhiex,

Għax imur żmien, u jiġi ieħor

Tfittixha, ma ssibhiex.

u

Min jitma’ fit-tama

It-tama tqarraq bih,

Jagħmel ir-riħ fil-bomblu

Jaħseb li jsiefer bih.

Il-kitba qed tippreserva wkoll ir-reġistri u l-lingwaġġi ta’ ċerti mestieri jew snajja’ li jekk ma taqrax fuqhom fil-kitbiet etnografiċi ta’ riċerkaturi dedikati bħal Ġużi Gatt, Steve Borg, jew Paul P. Borg, tibqa’ ma tkunx taf bihom. Jista’ jkun ukoll li t-tradizzjoni orali tibqa’ ħajja għax tinkiteb u mbagħad terġa’ tibda tgħaddi minn fomm għal fomm, minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-punt hu li r-relazzjoni bejn il-miktub u l-mitkellem fit-tradizzjoni hija kumplessa u mhux lakemm tagħti definizzjonijiet sempliċi u ċari.

Dan mhux fenomenu Malti biss. Jingħad, ngħidu aħna, li waħda mis-sagas Iżlandiżi, magħrufa bl-Ingliż fost uħud mill-istudjużi bħala “Egils saga,” inkitbet minn Snorri Sturluson, dixxendent tal-eroj ta’ din is-saga, iżda ma nafux jekk dan huwiex minnu (“Sagas of Icelanders”).

Wieħed mill-oqsma li ma tantx nassoċjaw mat-tradizzjoni orali huwa ċ-ċajt. Bl-eċċezzjoni ta’ kitba qasira ta’ Charles Clews dwar “Kif Tgħid Ċajta – u Ddaħħak” fi ktieb tal-1972 bl-isem ta’ Ejjew Nidħku Ftit: Ċajt, Umoriżmu, Għerf, Biex Tinsa d-Dinja, u spunti introduttivi ta’ Michael Spagnol waqt avveniment tal-proġett fuq It-Tradizzjoni Orali (“Ġej iċ-Ċajt – It-Tradizzjoni Orali”), dan huwa qasam li għadna ma bdejniex nistudjawh bir-reqqa mil-lat diskursiv. Jista’ jkun li hemm formoli li jitfaċċaw regolarment meta ngħidu ċ-ċajt bil-Malti? Ngħidu aħna, hemm ċajt li fih ikollok persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti u l-aħħar wieħed ikun il-Malti, li huwa dak li joħroġ ta’ raġel, li jirnexxi. Din issibha f’lingwi oħrajn bl-istess mod? X’inhuma l-karatteristiċi tal-“persunaġġ” Malti? Hemm ċajt li jżomm ftit jew wisq l-istess forma jew mudell u jbiddel biss id-dettalji? X’nistgħu ngħidu dwar il-varjanti? Nistgħu naqsmu ċ-ċajt f’kategoriji differenti?

Qasam ieħor li ma tantx nassoċjaw mat-tradizzjoni orali huwa dak tal-istejjer dwar personalitajiet magħrufin, bħall-Arċisqof Gonzi, Agatha Barbara jew Duminku Mintoff, li nistgħu nqisuhom bħala “leġġendi urbani,” jiġifieri stejjer divertenti jew biċċiet ta’ informazzjoni li jgħaddu minn fomm għal ieħor u jitqiesu bħala veri (“Urban Legend,” Oxford English Dictionary). Filwaqt li l-impressjoni li tieħu mill-kelma “tradizzjoni” hija li qed nitkellmu fuq wirt fiss u effettivament wieqaf, tradizzjoni taf tkun ħajja, u kontinwament tiġġedded.

dsc_0683
Michela Saliba waqt it-taħdita dwar “Il-Ħaġa Moħġaġa,” is-Sala tal-Perjodiċi tal-Librerija ċentrali tal–Università ta’ Malta bħala parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali (Ottubru 2018)

Imkejjen Mhux tas-Soltu

Il-qasam tat-tradizzjoni orali tal-logħob bil-kliem hu mifrux sew u minn dejjem ingħata ċerta attenzjoni mill-istudjużi. Minħabba n-natura dinamika tiegħu, il-logħob bil-kliem, fil-forom differenti tiegħu, għadu ħaj u għadu jġedded it-tradizzjoni. Dan jidher kemm fiċ-ċajt u kemm f’qasam bħall-ħaġa moħġaġa li studjuż ewlieni bħal Ġużè Cassar Pullicino qiesu bħala qasam importanti fl-istudju tal-lingwa popolari (Michela Saliba, “Il-Ħaġa Moħġaġa”). Meta fi Frar tal-2017 għamel taħdita dwar “Ħafna par(għ)oli u ftit kliem baxx: il-logħob bil-kliem fil-Malti,” Michael Spagnol ħares b’mod partikulari lejn il-mod kif nilagħbu bil-lingwa llum: “Il-logħob bil-kliem, il-manipulazzjoni tal-forma u l-funzjoni tal-lingwa għall-gost, jieħu bosta suriet, bħall-ħaġa moħġaġa, il-paronomasja, ir-rebus, l-anagramma, u tagħwiġ l-ilsien.” Fit-taħdita ħares lejn il-“ħafna modi kif nilagħbu b’elementi lingwistiċi differenti — mill-alfabett sal-pronunzja, mit-tifsir sal-grammatika” u wera “kif il-logħob bil-kliem jgħaddi bil-fomm minn ġidd għal ġidd sewwasew għax hu karatteristika intrinsika tal-lingwa.”

Dan it-tip ta’ logħob jistrieħ fuq l-għarfien komuni tal-lingwa. Ħafna drabi, id-diskors pubbliku li jirnexxi, iċ-ċajt u l-kanzunetti li jirnexxu, huma dawk li fuq il-bażi tad-diskors mitkellem magħruf joħolqu xi ħaġa ġdida, interessanti, divertenti. Naħseb li parti mis-suċċess tal-lirika tal-Brikkuni, kif uriet ir-riċerka ta’ Sephora Francalanza kemm fit-teżi tagħha (Bejn Kanzunetta u Poezija: Il-Lirika tal-Brikkuni, 2018) u kemm fit-taħdita pubblika li għamlet (“L-Idjoma Brikkuna fil-Lirika ta’ Mario Vella”), hi marbuta mal-fatt li hi mibnija, b’mod intelliġenti, kreattiv u imprevedibbli, fuq l-idjoma popolari.

DSC_0939
Waqt it-taħdita ta’ Sephora Francalanza f’Novembru 2019 fuq l-idjoma popolari fil-lirika tal-Brikkuni.

Post ieħor fejn aktarx m’aħniex imdorrijin “naraw” jew “infittxu” t-tradizzjoni orali huwa fl-innijiet jew l-għajtiet tal-partitarji waqt il-logħob tal-futbol, fil-festi jew fil-manifestazzjonijiet politiċi. Dawn jintirtu. Huwa minnu li f’dawn l-okkażjonijiet jindaqqu diski popolari bl-Ingliż li jkunu in voga, li jinstemgħu kontinwament fuq il-mezzi tax-xandir, u li n-nies fil-meetings u l-marċi ikantaw u jaqbżu magħhom. Imma meta jiġu biex jgħidu tagħhom, il-folol aktarx jaqbdu formoli magħrufin u jirrepetu lilhom jew jaddattawhom għall-okkażjoni u għall-ħtiġijiet tagħhom.

Meta kont is-sekondarja fl-aħħar tas-snin 70 u l-bidu tas-snin 80, niftakarna waqt il-logħob tal-futbol inkantaw versi bħal, “Saqajhom ħoxnin, għax jieklu l-għaġin, tal-Victory Kitchen,” minkejja li qajla konna nafu x’kienu l-Victory Kitchen. Lanqas ma kont naf, dak iż-żmien, li kien hemm bosta varjanti ta’ din it-taqbila (Kelma Kelma). Għalina l-importanti li kienet tgħajjira tajba li ddoqq għal widnejna. U konna nkantaw ukoll, anki fil-meetings, “Magħna ma tagħmlu xejn, magħna ma tagħmlu xejn, ma’ la-la-la-la…” U għadhom popolari wkoll dawn il-versi li faċilment iddaħħal fihom l-isem, ngħidu aħna, ta’ Eddie, Mintoff, jew Joseph:

Għax għandna ’l Eddie magħna, aħna magħqudin

Għax għandna ’l Eddie magħna, aħna magħqudin

U magħqudin, għax għandna ’l Eddiemagħna,

aħna magħqudin.

Fl-istess żmien niftakar sew partijiet minn dan “l-innu” li kien jibda b’“Żulu min-nofs, għamlulna l-wisa’, għax ġejjin aħna tal-…” imma mbagħad kien jilħaq il-quċċata tiegħu f’dan ir-ritornell:

Ma tagħmlu xejn, mal-Perit Mintoff.

Ma tagħmlu xejn, mal-Perit Mintoff.

Ma tagħmlu xejn, mal-Perit Mintoff.

Ma tagħmlu xejn, ma tagħmlu xejn, ma tagħmlu xejn.

Ma nafx l-oriġni ta’ dan l-innu lill-Perit Dom Mintoff, li saħansitra tkanta fiċ-Ċina u nżifen fil-Korea ta’ Fuq fis-snin 80. Fit-309 programm mis-sensiela tiegħu Mużika Mod Ieħor, Toni Sant jgħid li l-verżjoni li ħareġ ta’ dan l-innu l-kantant popolari ta’ dak iż-żmien, Tony Gauci (“il-Kampanjol”) ġriet minn id għal oħra permezz tal-cassettes fi żmien il-kampanja elettorali tal-1981. Ma nafx jekk dan l-innu huwa bbażata fuq melodija jew innu li diġà kien jeżisti jew serviex bħala mudell għal innijiet oħrajn, anki improvizzati, li ġew wara. Min jaf kemm intużat (fost l-oħrajn minn Żaren tal-Ajkla) u kemm għadha tintuża l-istess formola fil-festi ta’ barra, fix-xalati, fil-meetings u fl-attivitajiet sportivi li jiġbdu folol kbar. Waħda mill-karatteristiċi ta’ tradizzjoni hija li ma jibqax magħruf in-nisel tagħha, jew ikun hemm verżjonijiet differenti tiegħu.

Hemm ukoll għajtiet li ma nistax nirrepetiha hawnhekk, bħal dik li tibda b’“Salut” u li niftakar lis-side tal-Belt fl-istadium tal-Gżira tkanta b’ħanġra daqsiex u b’vuċi waħda: il-vulgarità tagħti pjaċir u sodisfazzjon, fosthom il-gost li qed tittrasgredixxi, li qed tkun imqareb jew imqarba, li qed tgħajjar, imma bid-daħqa fuq fommok. Huwa wkoll marbut mal-gost li tkun parti minn grupp, minn komunità, imqar sakemm idum meeting jew sakemm tispiċċa logħba. Jgħiduli wkoll li kien hemm bosta taqbiliet jew innijiet li kienu jitkantaw mill-partijiet opposti waqt il-ġlieda politiko-reliġjuża tas-snin sittin u hemm min għadu jiftakarhom. Jidhirli li dawn huma elementi mit-tradizzjoni orali tagħna bħala ġens li jistħoqqilhom ukoll l-attenzjoni.

L-interpretazzjoni li qed nagħtu lit-terminu “tradizzjoni orali” permezz tal-proġett tad-Dipartiment tal-Malti fuq It-Tradizzjoni Orali hija miftuħa. Nafu li l-ideat tagħna dwar x’inhi “tradizzjoni” u x’inhu “orali” jinbidlu maż-żmien, u ma jistax ikun mod ieħor. Nafu wkoll li hemm ħafna interess f’interpretazzjoni tat-tradizzjoni bħala fenomenu ħaj jew bħala wirt li jista’ jingħata ħajja ġdida, b’tali mod li tinħoloq tradizzjoni. Dan ma jfissirx li hemm elementi tal-lingwa, bħal kliem u frażijiet marbutin ma’ snajja’ li m’għadhomx jeżistu, li ma jinteressawx li r-riċerkaturi tas-seklu 21, jew li ma jqisuhomx relevanti.

Għalija, it-tradizzjoni orali tinkludi għadd kbir ta’ elementi, li minn banda dejjem irridu nistħarrġuhom aktar, u mill-banda l-oħra, kollha joffru ċertu potenzjal għal ħolqien ġdid. Hemm l-għana Malti (l-għana tal-fatt, għana fil-għoli jew la Bormliża, l-għana spirtu pront, l-għana fuq il-kelma, l-għana tan-nisa, u l-makkjetta); id-diskors, it-taqbil u l-għanjiet tat-tfal, ngħidu aħna waqt il-logħob; l-għanjiet ta’ taħnin; il-logħob bil-kliem, li jinkludi l-ħaġa moħġaġa; iċ-ċajt; il-ħrejjef u l-mitoloġija lokali, bħal fil-każ tal-persunaġġi u l-kreaturi mistħajla; il-leġġendi l-qodma u l-leġġendi urbani; l-innijiet, it-taqbiliet u l-għajtiet waqt manifestazzjonijiet popolari, bħal avvenimenti sportivi, speċjalment il-futbol, attivitajiet politiċi, festi, u xalati; il-lingwi sigrieti; l-idjomi u l-qwiel; il-botta u risposta jew ir-risposti intelliġenti, aktarx maħsubin biex ma jagħtux risposti; it-taqbil pastaż jew vulgari, ħafna drabi bid-doppju sens; it-talb popolari, fosthom il-kurunelli; il-vrajs jew il-vrajsett, is-sunetti tal-festa, u t-taqbil waqt il-marċ jew quddiem il-vara; u l-versi tar-riqi jew tal-iskunġrar; il-versi tal-magħmul jew tal-imprekazzjoni. Din mhix lista kompluta: il-punt huwa li l-għarfien tagħna tat-tradizzjoni orali kontinwament jiżviluppa u miegħu jiżviluppaw l-ideat tagħna dwar dan il-qasam u xi nfittxu fih.

img_5656
Elisa June Campell waqt il-lejla, Kulħadd Iqabbel kif Jaqbillu. Lejla ta’ Limerikki, bħala parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali (Jannar 2019)

L-Invenzjoni tat-Tradizzjoni, it-Tradizzjoni tal-Invenzjoni

Eric Hobsbawm jgħid li meta nitkellmu dwar “tradizzjonijiet ivvintati” qed nirreferu kemm għal “‘traditions’ actually invented, constructed and formally instituted” u kemm għal dawk it-tradizzjonijiet “emerging in a less easily traceable manner within a brief and  dateable period – a matter of a few years perhaps – and establishing themselves with great rapidity” (Hobsbawm 1). Lili tinteressani ħafna din it-tentazzjoni li “noħolqu tradizzjoni”: nixtieq li nitnebbħu mit-tradizzjoni f’bosta oqsma, bħall-għana tal-fatt jew ir-rakkontar tal-ħrejjef, biex noħolqu tradizzjoni ta’ rakkont pubbliku, bħalm’hemm fl-Afrika ta’ Fuq u fin-nofsinhar ta’ Franza jew l-Italja. Imma ma niddejjaqx meta nissellfu “tradizzjoni” minn barra, bħal dik tal-limerikka, u bil-mod il-mod nagħtuha bixra lokali, bħalma donnu għamel, jew ipprova jagħmel Dwardu Ellul, imma bħalma jagħmlu wkoll ċerti żgħażagħ jew adulti li jilagħbu bil-limerikki meta jiltaqgħu.

It-tradizzjoni tibda bħala kreazzjoni, bħala invenzjoni. Hija ħaġa minn ewl id-dinja li aħna nikkreaw bil-lingwa, nivvintaw, noħolqu. Mhux fis-sens li naqilgħu minn żniedna, imma fis-sens li l-kliem joħolqu l-affarijiet mix-xejn. Il-kliem joħloq taqbila, għanja, storja, talba, ċajta, logħba. It-tradizzjoni mhijiex kontra l-invenzjoni. It-tradizzjoni orali hija l-kodifikazzjoni tal-invenzjoni, u l-kontinwazzjoni tagħha.

Jannar 2020


Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta