Prof. Adrian Grima

Il-Professur Adrian Grima huwa l-koordinatur ewlieni tal-proġett It-Tradizzjoni Orali. Lettur tal-letteratura Maltija u r-rappreżentazzjoni letterarja tal-Mediterran fl-Università ta’ Malta u jgħallem kors introduttiv dwar l-ilsien u l-letteratura Maltija fl-Inalco, Pariġi. Ħa sehem f’konferenzi akkademiċi u festivals tal-letteratura f’diversi pajjiżi fil-Mediterran, l-Ewropa, l-Amerika, l-Asja, l-Awstralja, u l-Karibew. Kiteb għadd ta’ kotba u artikli speċjalizzati bil-Malti, l-Ingliż u t-Taljan dwar il-letteratura u l-kultura li xxandru f’Malta u barra.

Bejn l-1999 u l-2015 ħareġ tliet kotba tal-poeżija għall-kbar bil-Malti u żewġ kotba ta’ letteratura għall-adolexxenti. Il-poeżiji tiegħu nqalbu f’diversi lingwi. Bejn l-1998 u l-2018 kien il-koordinatur tal-organizzazzjoni kulturali Mediterranja Inizjamed li torganizza l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Fl-2013 mexxa l-ewwel konferenza nazzjonali interdixxiplinarja fuq Juann Mamo organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u kien l-editur ġenerali tal-ewwel tliet kotba fis-Sensiela Juann Mamo (SKS). Il-Professur Adrian Grima huwa wkoll il-koordinatur tad-Diploma fil-Letteratura Maltija. L-iktar xogħol letterarju reċenti tiegħu huwa Skizzi għas-Sette Giugno, ċiklu ta’ poeżiji f’album ta’ mużika jazz ta’ Dominic Galea (2019).

Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta