Marlene Mifsud Chircop

Sa mill-bidu tal-proġett, Marlene Mifsud Chircop, tat kontribut f’dan il-proġett  sakemm ħalliet din id-dinja, nhar l-Erbgħa 26 ta’ Awwissu 2020.

Mifsud Chircop, kienet għalliema u riċerkatriċi indipendenti, ħadmet mal-folklorista Ġużè Cassar Pullicino u żewġha, il-folklorista antropoloġiku Ġorġ Mifsud Chircop. Wara l-ewwel teżi tagħha fuq “Il-Folklor fir- Rumanz Storiku/Romantiku Malti” (1972) għall-Baċellerat u t-tieni teżi fuq “A Motif-Index of the Maltese Folktale” għall-M.A., kompliet bir-riċerka fin-narrattiva popolari, fl-irrakkuntar u fl-għana Malti, illum il-ġurnata b’mod speċjali l-element kulturali u soċjali fl-għana tal-fatt.

Flimkien ma’ żewġha, ipproduċiet u ppreżentat 26 dokumentarju kulturali ta’ 45 minuta għat-televixin: Ix-xogħol Waħdu Jurik u Fuq Għajnejk (1996, 2001, Dir. Alvin Scicluna) u għar-radju Maltese Folklore in the Modern World (2000) u A Folk Festival in Malta (2003). Interpretat u ttraduċiet kemm-il darba l-għana u l-irrakkuntar waqt festivals Malta u barra.

Ħadet sehem f’konferenzi Malta u barra, fejn ippreżentat fost l-oħrajn “Mnarja – a Midsummer’s Festival in Contemporary Malta” (Gothenburg 2006), “Maltese Folk Narrative” (Isle of Bute 2011), “Good Friday Processions in Contemporary Malta” (Innsbruck 2014), “The First Ten Years of the Maltese Folk singing Festival” (Malta 2014), The Development of Maltese Ballads (Malta 2014). Barra diversi sessjonijiet tal-għana u tal-irrakkuntar, kemm f’Malta kif ukoll barra, organizzat l-attività kulturali “Grimani Min Qatlu?” għal Science in the City (Malta 2014).

Fl-2016 Marlene Mifsud Chircop ħarġet il-ktieb Min Qatel il-Patri? (Klabb Kotba Maltin) mar-Rev. Dr Mark Montebello.

Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta