Il-Ħares, u Karattri oħra tal-Fantasija Maltin

Nhar It-Tnejn 8 ta’ Novembru 2021 fis-6.00pm, Ġużi Gatt, “Il-Ħares, u Karattri oħra tal-Fantasija Maltin”. Din it-taħdita se ssir mil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u se tintwera diretta fuq Zoom u Facebook. Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Pittura ta’ Joseph Bugeja: L-Imħalla tal-Bir, li dehret fil-wirja Hotel Babaw li ttellgħet fil-Belt Valletta fl-2016

Moħbija bejn il-versi tal-ilsien Malti jeżistu ħafna karattri tal-fantasija li qed jintesew, donnu tħallew biss fid-dinja tan-Nanna Gerit. Din it-taħdita se tippreżenta għadd ta’ karattri relatati mal-istejjer tal-biża’ li kienu jirrakkontaw fl-imgħoddi, fost oħrajn: Il-Għul, l-Ors tal-Gandlora, il-Belliegħa, il-Gawgaw, is-Sħaħar, il-Ħares, it-Tork tat-Taraġ u l-waħx. Din it-taħdita se tqanqal il-ħtieġa biex dan il-wirt orali ma jintilifx u tfittex ukoll x’hemm bżonn isir.

Ġużi Gatt riċerkatur li jgħin fil-proġett dwar It-Tradizzjoni Orali. Huwa s-segretarju ġenerali tal-Għaqda Maltija tal-Folklor, u l-editur ta’ L-Imnara, li hu l-perjodiku ta’ kull sena li toħroġ l-Ghaqda. Ippubblika ż-żewġ volumi li jġibu l-isem Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni, l-Ewwel u t-Tieni Ktieb. Irriċerka dwar l-istrumenti mużikali tradizzjonali Maltin u għen fir-rikostruzzjoni tagħhom. Qaleb ukoll diversi drammi għall-Malti, imma l-ikbar interess tiegħu hu fl-istorja medjevali ta’ pajjiżna, u l-folklor.

Il-Majjistra u t-Twelid fil-komunità Maltija fis-seklu 20

Nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ottubru 2021 fis-6.00pm, Janice Caruana, “Il-Majjistra u t-Twelid fil-komunità Maltija fis-seklu 20”. Din it-taħdita se tkun fuq Zoom u fuq Facebook u hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta u miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

It-taħdita se tiffoka fuq riċerka ta’ 6 snin li saret dwar il-majjistra u t-twelid fis-seklu 20. Primarjament, se tħares lejn l-esperjenzi orali ta’ majjistri u ommijiet. Se tingħata ħarsa lejn il-proċess tat-twelid u lejn il-ħajja tal-majjistri li kienu jassistu t-twelid tat-trabi barra l-isptar. It-taħdita se tippreżenta wkoll l-ismijiet ta’ oġġetti relatati mat-twelid, kliem il-majjistra u l-Malti mitkellem.

Janice Caruana, toqgħod iż-Żejtun u omm ta’ tifla. Fl-2009 gradwat bħala infermiera Bsc. bl-unuri mill-Università ta’ Malta. Ħadmet f’sala tal-medċina tan-nisa għal sena, seba’ snin l-emerġenża u mil-2016 ‘l hawn taħdem bħala infermiera fuq l-ambulanza. Ħadet diversi taħriġ fil-qasam tal-emerġenza u l-ambulanzi u għal diversi snin kient tagħmel l-korsijiet tal-ewwel għajnuna għal ommijiet prospettivi mal-Malta Midwifery Association. Fl-2019 kompliet bl-istudju tagħha fil-Psikoloġija u fil-preżent qed tagħmel Post-graduate Diploma in Systemic Family Psychotherapy (Institute of Family Therapy – Malta). Fis-6 ta’ Marzu nediet il-ktieb Il-Majjistra u t-twelid fil-komunità Maltija fis-seklu 20 wara 6 snin ta’ riċerka.

“Ħej mamà, ‘tini piżella…” Rakkonti u Taqbiliet tan-Nanniet

Nhar it-Tlieta 12 ta’ Ottubru 2021 fis-6.00pm, Anita Vassallo Piccinino, “Ħej mamà, tini piżella…” se titkellem dwar rakkonti u taqbiliet tal-imgħoddi. Din it-taħdita se tkun fuq Zoom u fuq Facebook u hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta u miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Anita Vassallo Piccinino se tiffoka fuq stejjer li kienu jirrakkontaw in-nanniet u l-ommijiet lit-tfal. Rakkonti kemxejn qosra iżda kienu magħrufin ħafna mat-tfal ta’ żmien il-gwerra meta n-nies kienu jkunu miġburin kollha f’kamra waħda, u t-tfal kollha tat-triq kienu jmorru kollha għand il-Bużnanna Rużar biex jisimgħuha tirrakkonta. It-taħdita se tħares lejn kliem li fl-imgħoddi n-nies kienu jużaw biex jikkomunikaw bejniethom u li matul iż-żmien intilef bosta minnu. Fl-aħħar il-kelliema se tippreżenta xi taqbiliet li l-ommijiet kienu jkantaw jew jgħidu lil uliedhom biex joqogħdu kwieti.

Anita Vassallo Piccinino, twieldet u għexet il-Belt Valletta u għal snin twal qattgħet ħafna ħin man-nanna tagħha li ta’ spiss kienet tirrakkontalha stejjer u ġrajjiet tal-passat. Għalkemm kienet għadha żgħira kienet tistagħġeb kif ir-rakkonti li kienet tisma’ kienet donnha tgħixhom u kienet tħoss illi kieku dawn ir-rakkonti ma kitbithomx kienu jintilfu.  

Anita taħdem bħala producer u script writer mal-kumpanija We Media Ltd. Ħadmet għal 7 snin bħala producer fil-programm Xarabank u L-Erbgħa fost il-Ġimgħa. Kienet parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Bijografiji li kien jixxandar fuq il-PBS u bħalissa qed tattendi l-kors tal-Qari tal-Provi tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta.