It-Tradizzjonijiet tal-Milied

Nhar It-Tnejn 6 ta’ Diċembru 2021 fis-6.00pm, Vincent Galea, “It-Tradizzjonijiet tal-Milied”. Din it-taħdita, li se ssir mil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u se tintwera diretta fuq Zoom u Facebook, hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali mmexxija mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Il-Bambin tax-xema’ mlibbes bis-satin irrakkmat

Il-Milied hula waħda mill-akbar festi li jiġu ċċelebrati f’pajjiżna u għalhekk mal-mixja taż-żmien inħolqu għadd ta’ drawwiet u ċelebrazzjonijiet biex issir it-tħejjija għal din il-festa. Barra minn hekk, minħabba l-kobor tal-festa nnifisha, kemm mil-lat reliġjuż u kemp mil-lat soċjali, il-festa ma tkunx iċċelebrata f’ġurnata waħda iżda tinfirex fuq numru ta’ ġranet. Din it-taħdita se tiffoka fuq l-ismijiet ta’ għadd ta’ tradizzjonijiet reliġjużi u soċjali, li għalkemm mhux kollha huma tradizzjonijiet lokali flimkien jagħmlu l-Milied Malti differenti minn ta’ pajjiżi oħra.

L-Għasar kantat quddiem Ġesù Sagramentat fil-jiem tal-Koranturi.

Vincent Galea trabba l-Belt Valletta, qrib il-knisja tal-Portu Salvu. Sa minn kmieni interessa ruħu f’dak kollu li kien isir f’diin il-knisja u fi knejjes oħra fil-qrib. Barra minn hekk, diversi membri tal-familja tiegħu kienu involuti fl-armar u t-tiżjin ta’ dawn ilknejjes. Eventwalment beda jieħu ħsieb il-knisja tal-Monasteru ta’ Santa Katerina fil-Belt, xi ħaġa li issa ilu jagħmel għal aktar minn tletin sena.

Matul iż-żmien għaraf jgħaqqad l-imħabba lejn il-lingwa Maltija u dak kollu li hu Malti mad-delizzju tal-armar tal-knejjes u għalhekk jagħmel ħafna xogħol ta’ riċerka fuq diversi aspetti tal-folklor reliġjuż. Ilu tletin sena fil-kumitat tal-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes u issa ilu għaxar snin president tal-għaqda. Jikkontribwixxi b’diversi artikli ta’ natura folkloristika u reliġjuża fil-perjodiku li toħroġ l-għaqda kull xahrejn.

Il-Kollezzjoni Nazzjonali tal-Kostumi u t-Tessuti fi ħdan Heritage Malta

Nhar It-Tnejn 22 ta’ Novembru 2021 fis-6.00pm, Annamaria Gatt, “Il-Kollezzjoni Nazzjonali tal-Kostumi u t-Tessuti fi ħdan Heritage Malta”. Din it-taħdita se ssir mil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u se tintwera diretta fuq Zoom u Facebook. Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Il-Kollezzjoni Nazzjonali tal-Kostumi u t-Tessuti hija ġabra ta’ diversi oġġetti kemm antiki kif ukoll ta’ dan iż-żmien. Xogħol magħmul minn kull tip ta’ ħajt, drapp u ġild. Din il-kollezzjoni tinkludi wkoll aċċessorji bħal basktijiet, kpiepel, umbrelel u l-bqija li kollha għandhom l-ismijiet tagħhom. Hemm xogħlijiet bl-idejn, bil-magna, ħidmiet lokali, barranin kif ukoll ekkleżjastiċi. Għaldaqstant, din it-taħdita se tiffoka fuq l-istorja ta’ din il-kollezzjoni u xi jsir dwarha, kif ukoll se tippreżenta l-ismijiet bil-Malti tal-kostumi u t-tessuti.

Annamaria Gatt hija l-kuratriċi tal-kostumi u t-tessuti ma’ Heritage Malta. Għal numru ta’ snin kienet għalliema u madwar 35 sena ilu għallmet il-bizzilla Maltija fil-klassijiet ta’ filgħaxija għall-Adulti sal-livell Terzjarju. Gatt attendiet diversi korsijiet tal-bizzilla barra minn xtutna u kull sentejn torganizza Kungress Internazzjonali tal-Bizzilla f’pajjiżi differenti. Esebixxiet proġetti ta’ bizzilla Maltija f’ħafna avvenimenti, kungressi u kompetizzjonijiet lokali u barranin. Bħalissa qed twettaq ukoll riċerka dwar il-bizzilla Maltija fil-moda, ilbies ekkleżjastiku u disinni.