Stejjer tal-Ewwel Emigranti Maltin fl-Awstralja

Nhar it-Tlieta 25 ta’ Mejju 2021 fid-9.00am, Adrian Grima se jintervista lir-riċerkatur magħruf Malti-Awstraljan Mark Caruana dwar l-istejjer li rrakkontaw l-ewwel emigranti Maltin fl-Awstralja. It-taħdita se tkun fuq Facebook hawnhekk  u fuq Zoom u hija miftuħa għal kulħadd. Kemm tagħfsu hawn: https://universityofmalta.zoom.us/j/99275683172

Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

L-istorja tal-emigrazzjoni Maltija fl-Awstralja inġabret mhux mill-kotba, il-gazzetti, u d-dokumenti imma minn fomm l-ewwel emiganti f’għamla ta’ intervista strutturata fuq cassette jew fuq video, bil-Malti jew bl-Ingliz. X’jiftakru dwar kif issetiljaw f’art strangiera? X’diffikultaijiet kellhom jegħlbu? Għaliex telqu minn Malta? Kien il-faqar li ġegħelhom jitilqu? Semgħu affarijiet sbieħ dwar l-Awstralja? Kellhom min jilqagħhom meta waslu? L-istorja orali għandha l-importanza unika tagħha, u meta timxi id f’id mal-istorja dokumentata, il-fatti joħorġu aħjar.

Mark Caruana | Ritratt ta’ Angelo Velardo

Mark Caruana twieled Tas-Sliema u emigra l-Awstralja f’Jannar tal-1973. Ilu membru attiv tal-komunità Maltija f’Sydney mill-1975. Kiteb għadd ta’ artikli dwar l-istorja orali tal-emigranti u intervista bil-Malti u bl-Ingliż lil għadd kbir ta’ emigranti Maltin tal-bidu, jiġifieri dawk li waslu bejn l-1912 u l-1940. Dawn l-intervisti antiki għamilhom fuq 120 audio cassette u video tape iżda llum juża video recorder diġitali jew Zoom biex jirrekordja l-intervisti mal-emigranti li waslu wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Mark Caruana jemmen bis-sħiħ li l-aħjar mod kif tiddokumenta l-istorja orali huwa billi taħdem ma’ ħaddieħor fi proġett ta’ kollaborazzjoni u koperazzjoni. Għalhekk ħadem mill-qrib mar-riċerkatur George H. Griffiths, li emigra fl-1948, u ma’ Dr Barry York mill-Biblijoteka Nazzjonali tal-Awstralja f’Canberra li fid-dottorat tiegħu ħadem fuq l-istorja tal-emigrazzjoni Maltija. Flimkien ħarġu l-ktieb Oral History: a practical guide based on Maltese migration and settlement in Australia, ippubblikat f’Canberra mis-Centre for Immigration & Multicultural Studies, Research School of Social Sciences, Australian National University fl-1993 u mbagħad fl-1996. Ħadem ukoll mill-qrib mal-Prof Helen Armstrong waqt li kienet qed tħejji l-ktieb tagħha Migrant Heritage Places in Australia, a handbook for Group Co-ordinators, proġett tal-Australian Heritage Commission.

Ħaddiema Maltin fil-kannamieli

Barra minn hekk, Mark Caruana ħadem fuq proġett li beda jirrekordja l-istorja orali tal-Maltin li marru jgħixu New Zealand. Il-koordinatriċi tat-tim li mexxa dan il-proġett ta’ riċerka kienet il-Prof. Carmen Dalli mill-Victoria University Wellington.

Mir-reġistri tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta f’dak li kien l-Isptar ta’ Santu Spirtu r-Rabat Mark Caruana bena arkivju imprezzabbli ta’ rapporti tas-sanità fuq il-vapuri u applikazzjonijiet għall-passaport ta’ bejn l-1815 u l-1939 li fih aktar minn 100,000 applikazzjoni. Bena wkoll arkivju tal-passiġġieri Maltin li żbarkaw fuq Ellis Island, New York fl-Istati Uniti tal-Amerka u l-portijiet iżgħar ta’ Boston, Philadelphia, Rhode Island, Baltimore, California u New Orleans. Dawn l-entrati, madwar 23,000, ikopru medda ta’ 137 sena mill-1820 sal-1957. Mill-1946 sal-1957 uħud mill-emigranti Maltin bdew isiefru bl-ajru u dawn huma inklużi wkoll fl-arkivju.

Bħalissa Mark Caruana qed jibni database tal-passaporti kollha li ħarġu minn Malta bejn l-1900 u l-1939 biex tintuża fl-istudji tal-migrazzjoni. Qed jaħdem ukoll fuq database tal-Maltin li marru l-Kanada u l-Istati Uniti mill-bidu tas-seklu dsatax, proġett bi sħab ma’ Dan Brock minn Toronto, il-Kanada.F’Jum l-Awstralja tal-2020, Mark Caruana ingħata l-unur prestiġjuż tal-Order of Australia Merit (OAM) għall-ħidma tiegħu b’risq il-komunità Maltija.Mark Caruana huwa miżżewweġ lil Antoinette Caruana u għandhom tliet ulied u sitt neputijiet.

Nomenklatura Ekkleżjastika

Kanopew li jintrama fuq l-artal biex jgħatti t-tabernaklu

Nhar it-Tlieta, 11 ta’ Mejju 2021, fis-6.00pm, Vince Galea, “Nomenklatura Ekkleżjastika” fuq Zoom. Biex tidħol issegwi t-taħdita agħfas fuq din il-ħolqa: https://universityofmalta.zoom.us/j/91837948457

Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Screen Shot 2021-04-20 at 09.44.05

Kull qasam tal-ħajja jkollu marbut miegħu kliem partikolari li jkun jirreferi għal affarijiet speċifiċi marbuta ma’ qasam partikolari. Hekk ukoll min ikun midħla tal-knisja jew aħjar tal-ħajja fis-sagristija u l-madwar jagħmel użu minn lessiku partikolari biex jirreferi għal oġġetti partikolari li ġeneralment jintużaw fil-knisja. It-taħdita se tiffoka fuq dan ir-reġistru li fih insibu kliem li sfortunatament qed jintilef. Isir aċċenn għall-ilbies tal-qassisin u r-reliġjużi u ħwejjeġ li jintlibsu waqt il-funzjonijiet, li jissejħu “paramenti sagri”.

Vincent Galea studja fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa bħala għalliem fl-1994. F’dawn l-aħħar 27 sena għallem il-Malti fl-Iskejjel tal-Istat u fil-preżent huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija.

Screen Shot 2021-04-20 at 09.54.57
Vincent Galea

Minħabba li trabba fil-Belt Valletta, qrib il-knisja tal-Portu Salvu, sa minn kmieni interessa ruħu f’ dak kollu li kien isir f’diin il-knisja u fi knejjes oħra fil-qrib. Barra minn hekk, diversi membri tal-familja tiegħu kienu involuti fl-armar u t-tiżjin tal-istess knejjes. Evantwalment beda jieħu ħsieb il-knisja tal-Monasteru ta’ Santa Katerina fil-Belt, xi ħaġa li issa ilu jagħmel għal aktar minn tletin sena.

Matul iż-żmien għaraf jgħaqqad l-imħabba lejn il-lingwa Maltija u dak kollu li hu Malti mad-delizzju tal-armar tal-knejjes u għalhekk jagħmel ħafna xogħol ta’riċerka fuq diversi aspetti tal-folklor reliġjuż. Ilu tletin sena fil-kumitat tal-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes u issa ilu għaxar snin president tal-għaqda. Jikkontribwixxi b’diversi artikli ta’ natura folkloristika u reliġjuża fil-perjodiku li toħroġ l-għaqda kull xahrejn.


Is-santa tal-mejjet: teżor moħbi

Nhar it-Tlieta, 20 ta’ April 2021, fis-6.00pm, Martina Bezzina, “Is-Santa tal-Mejjet: teżor moħbi” fuq Zoom. Biex tidħol issegwi din it-taħdita agħfas fuq din il-ħolqa: https://universityofmalta.zoom.us/j/93776098259

Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Meta jgħidulna li xi ħadd ħalliena mal-ewwel jinbtu l-frażijiet “Alla jagħtih il-glorja tal-ġenna”, “Alla riedu ħdejh”, jew “straħ fis-sliem.” Dan jixhed li hemm tradizzjoni ewfemistika relatata mal-okkażjoni ta’ sogħba. Is-suġġett tal-mewt huwa wieħed sensittiv, speċjalment meta l-bniedem ħaj ikun qrib – ħabib jew qarib – tal-mejjet.

Santa meħuda mit-teżi tal-BA (Unuri) (2019), “Is-santi tal-mejtin f’Malta: minn sfond storiku Ewropew sa reġistru u stil” ta’ Martina Bezzina

Wieħed bla ma jaħseb jagħmel minn kollox biex iservi ta’ mezz konsolatorju f’dan il-mument ta’ diqa, u minn fommu joħorġu frażijiet li llum saru idjomi xierqa f’dawn iċ-ċirkustanzi. Iżda għaliex jingħadu? Primarjament għax in-niket tat-telfa jeħtieġ il-balzmu tal-konsolazzjoni, imqar fil-forma ta’ faraġ spiritwali jew reliġjuż. Il-konsolazzjoni hija marbuta sfiq mar-reliġjon Nisranija, speċjalment fit-tama li tnissel li l-mejjet diġà kiseb post aħjar mill-għomor tiegħu fid-dinja, permezz ta’ ħajja eterna ħdejn Alla.

Għalhekk, fis-santi Nsara, kemm barranin kif ukoll Maltin, jitpoġġew siltiet mill-Bibbja flimkien ma’ frażijiet konsolatorji popolari. Il-konsolazzjoni tissaħħaħ ukoll bi frażijet popolari marbutin mat-temi tal-art u tas-sema, ngħidu aħna “hija kienet l-isbaħ warda” jew “kienet ix-xemx ta’ ħajti.” Dan għaliex wieħed jassoċja l-isbaħ u l-aktar elementi sempliċi mal-bniedem nieqes biex jesprimi kemm kien speċjali u jibqa’ jiftakru bl-aqwa mod possibbli.

Santa meħuda mit-teżi tal-BA (Unuri) (2019), “Is-santi tal-mejtin f’Malta: minn sfond storiku Ewropew sa reġistru u stil” ta’ Martina Bezzina

Din it-taħdita se tiffoka fuq dawn il-frażijiet, li bosta minnhom jingħadu bħala diskors wenniesi tipiku tal-komunità biex din ittaffi l-uġigħ tat-telfa lil min ikun f’luttu. Se tħares ukoll lejn kif il-poplu Malti juża modi varjati ta’ ewfemiżmu, mezzi ta’ tifħir, u tekniki oħra tad-diskors komuni bħall-allużjonijiet għall-Bibbja, biex minn banda jtaffi l-weġgħa tat-telfa u mill-banda l-oħra jfakkar b’tifħir lill-bniedem nieqes.

screen-shot-2021-04-09-at-09.20.16Martina Bezzina, studenta universitarja fil-livell postgradwatorju, toqgħod il-Fgura. Mit-tfulija tagħha rabbiet imħabba lejn il-letteratura Maltija permezz ta’ interess analitiku fil-poeżija lokali. Dan l-interess wassalha biex tagħmel Baċellerat bl-Unuri fil-Malti, il-kors li fih għażlet – bħala qasam speċjalizzat għat-teżi tagħha – il-versi fis-santi tal-mejtin, kemm fl-aspett tekniku kif ukoll f’dak tematiku tagħhom. Attwalment, fil-kors tal-Maġisteru tat-Tagħlim, qed issegwi l-pedagoġija tal-Malti bl-għan li ’l quddiem issir għalliema.