Ix-xemx issaħħan, imma l-ebda borma ma tgħalli! – is-sabiħ u l-ikrah tal-ħajja ta’ ġor-raba’ u ta’ ġewwa r-raħal

Nhar il-Ħamis 20 ta’ April 2023, fis-6.00pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Joseph Farrugia se jagħmel taħdita dwar “Ix-xemx issaħħan, imma l-ebda borma ma tgħalli! – is-sabiħ u l-ikrah tal-ħajja ta’ ġor-raba’ u ta’ ġewwa r-raħal”.

Din it-taħdita se jmexxiha Ġużi Gatt u se tintwera wkoll diretta fuq Zoom u Facebook bħala parti mill-proġett tad-Dipartiment tal-Malti fuq It-Tradizzjoni Orali.

Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u Klabb Kotba Maltin.

Meta l-bombi bdew jaqgħu fuq il-bliet ta’ madwar il-port, fl-aħħar gwerra dinjija, “in-nies tal-ibliet” kellhom, ħafna minnhom, jaqbdu ħwejjiġhom, iħallu djarhom, u jsibu kenn f’xi kamra fid-djar tan-nies tal-irħula. Ma damx ħafna ma beda jidher ċar li n-nies tal-ibliet kienu mdorrijin jgħixu stil ta’ ħajja differenti min-nies tal-irħula, u minn hemm beda żvilupp ieħor, għat-tajjeb u l-ħażin, fis-soċjetà Maltija.  Illum Malta kollha tista’ tgħid li saret belt waħda, ftit hawn min “għex il-ħajja tar-raħal” kif kienet snin ilu. Madankollu, mhux kollox hu mitluf.  Joseph Farrugia għex ħajtu kollha fl-irħajjel żgħir tan-Nigret, li llum hu parti miż-Żurrieq.  Għadu jiftakar sew il-ħajja ta’ tfulitu u f’ċertu sens, għadu jgħixha sal-lum.  F’din it-taħdita Ġużi Gatt se jitkellem miegħu biex jgħaddilu tagħrif interessanti fuq il-ħajja tan-nies ta’ dari, tagħrif li għalina llum li qed ngħixu f’dinja mgħaġġla u għal kollox differenti minn ta’ qabilna, jista’ jgħinna biex nifhmu aktar il-karattru Malti u minn fejn għaddejna biex wasalna fejn qegħdin illum.

Joseph Farrugia jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum billi jaħdem ta’ pumpier ma’ tal-Protezzjoni Ċivili. Qabel ma qabad dan ix-xogħol, għamel iktar minn għoxrin sena jaħdem mal-Gvern bħala restawratur fil-lavur u l-iskultura. Fil-ħin ħieles tiegħu kien jaħdem iktar minn ħmistax-il tomna raba’ flimkien ma’ missieru, u tul is-snin, hu u missieru siefru kwantitajiet kbar ta’ patata u basal għal barra minn Malta, minbarra li pprovdew il-ħaxix għall-borma tal-familja. Farrugia qatta’ ħafna snin joħroġ fuq il-baħar, jgħin lis-sajjieda ta’ Wied iż-Żurrieq u Marsaxlokk fis-sajd tal-arżnell, tal-klamari, tal-lampuki, u l-bqija. Minbarra li hu espert tas-sajd minn fuq il-blat, jifhem ukoll fil-kaċċa u fl-insib. Fi kliem ieħor, għex il-ħajja Maltija u raħlija, jaf il-ħajja tan-nies tax-xogħol, u billi għandu lsienu jaqilgħu u jaf anke jħaddem il-pinna fil-kitba bil-Malti, jista’ jgħaddilna ħafna tagħrif fuq stil ta’ ħajja li ftit ftit qed jgħib minn quddiem għajnejna.

Leave a comment