Minn ta’ min int? Analiżi Lingwistika tal-Laqam Personali – Abigail Deguara

Screen Shot 2019-12-05 at 12.11.08

Nhar it-Tlieta 17 ta’ Diċembru 2019, fis-6.00pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Abigail Deguara se tagħmel taħdita dwar “Minn ta’ min int? Analiżi Lingwistika tal-Laqam Personali”.

Din se tkun il-ħames attività mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali, proġett immexxi mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta bil-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u bl-appoġġ tal-Klabb Kotba Maltin.

Din it-taħdita hija dwar il-laqmijiet ta’ individwi u familji Maltin; tikketti li għal xi wħud huma ħelwin u għal oħrajn imbarazzanti, imma li lkoll ifakkru ħsibijiet antiki li baqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra bil-fomm. Ħafna studjużi Maltin isemmuhom fix-xogħlijiet tagħhom però ftit li xejn jiffukaw fuq aspetti formali bħal kif jinbnew u x’tip ta’ struttura jista’ jkollhom. Għal din ir-raġuni, l-istudju li għamlet Abigail Deguara jħares lejn numru ta’ laqmijiet minn perspettiva lingwistika, janalizza l-binja tagħhom u jikklassifikahom skont għadd ta’ kriterji. B’hekk it-taħdita mhux biss se tagħti informazzjoni ġenerali dwar il-laqmijiet personali imma se tiffoka wkoll fuq l-elementi varji li jsawruhom.

Abigail Deguara, għandha 21 sena u toqgħod il-Mosta. Tħobb iżżomm ruħha impenjata matul il-ġurnata u għandha għal qalbha l-ivjaġġar, u t-tagħlim. Din is-sena għadha kemm lestiet il-kors tal-Baċellerat fl-Arti bl-Unuri fil-Malti u issa tinsab eċitata sabiex tara fejn se jwassalha l-vjaġġ tal-Masters fit-tagħlim.

Proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta