Kif kienet tara d-dinja nannti

Nhar it-Tlieta, 6 ta’ Diċembru 2016, ir-riċerkatur Ġużi Gatt se jagħmel taħdita dwar “Il-Viżjoni tad-Dinja li kellhom in-Nies ta’ Dari, Ossija, Kif kienet tara d-dinja nannti, Alla jaħfrilha,” fil-bini ċentrali tal-Librerija tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq fis-6.00pm. Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn.

Din hija l-ħames taħdita organizzata mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti bħala parti mill-proġett ta’ riċerka dwar It-Tradizzjoni Orali. L-ewwel erba’ taħditiet saru mill-Prof. Mourad Yelles mill-Inalco, f’Pariġi, minn Yanika Schembri Fava, Dr Toni Sant, u Marlene Mifsud Chircop. Il-Klabb Kotba Maltin qed jagħti voucher ta’ kotba lill-kelliema kollha f’din is-sensiela ta’ taħditiet.

Il-Kelliem
Ġużi Gatt huwa s-segretarju ġenerali tal-Għaqda Maltija tal-Folklor, u l-editur ta’ L-Imnara, li hu l-perjodiku ta’ kull sena li toħroġ l-Ghaqda. Ippubblika ż-żewġ volumi li jġibu l-isem Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni, l-Ewwel u t-Tieni Ktieb. Irriċerka dwar l-istrumenti mużikali tradizzjonali Maltin u għen fir-rikostruzzjoni tagħhom. Qaleb ukoll diversi drammi għall-Malti, imma l-ikbar interess tiegħu hu fl-istorja medjevali ta’ pajjiżna, u l-folklor.

Katarin-Gejtu.jpg

It-Taħdita
Kull wieħed minna għandu l-mod tiegħu ta’ kif iħares lejn il-ħajja, il-mod ta’ kif jagħmel sens mid-dinja ta’ madwaru. Mhumiex wieħed jew tnejn dawk l-għorrief li jsostnu li l-lingwa li titkellem, u t-tagħlim li titrabba fih, jikkundizzjonawlek il-mod ta’ kif tara u tifhem id-dinja ta’ madwarek, ta’ kif tfassal l-imġiba tiegħek, u l-mod ta’ kif iżżomm sabrek fix-xkiel li ssib ruħek fih tul ħajtek. X’kienet il-viżjoni tad-dinja ta’ niesna ta’ dari? Diffiċli biex tidħol f’moħħ dak li jkun, imma Ġużi Gatt se jipprova jiddeskrivi l-istampi tal-ħajja li kellha f’moħħha nanntu, Alla jaħfrilha, u jfisser kif kienet tara d-dinja, dejjem skont dak li kienet tgħid.


L-Għana tal-Fatt

Taħdita pubblika ta’ Marlene Mifsud Chircop fuq L-Għana tal-Fatt

Nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Novembru 2016, Marlene Mifsud Chircop se tagħmel taħdita pubblika dwar “L-Għana tal-Fatt” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università tal-Qroqq fis-6.00pm. Kulħadd mistieden. Dħul b’xejn.

marlene-mifsud-chircop-tradizzjoni-orali.jpg

Din hija r-raba’ taħdita minn sensiela organizzata mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti dwar It-Tradizzjoni Orali. L-ewwel erba’ taħditiet saru mill-Prof. Mourad Yelles tal-Inalco f’Pariġi, minn Yanika Schembri Fava u minn Dr Toni Sant. Il-proġett għandu sit fuq l-internet fl-indirizz tradizzjonioraliblog.wordpress.comu paġna fuq Facebook, https://www.facebook.com/uom.tradizzjoniorali/.

15135807_1846542098914736_8910120240277291170_n.jpg

L-għana tal-fatt (il-ballata) għadu jitgħanna sal-lum f’Malta u barra fejn hemm emigranti Maltin. Għandu storja ta’ ħames mitt sena imma fl-ewwel tliet mija u ħamsin minnhom intilef ħafna minnu, waqt li fil-mija u ħamsin sena ta’ wara, wara l-kisba tal-libertà tal-Istampa f’Malta, inġabru fuq mitejn fatt. F’din it-taħdita, Marlene Mifsud Chircop sa titkellem fuq ir-riċerka li għamlet f’dan il-qasam tat-tradizzjoni orali, il-wirt intanġibbli tal-għana Malti, speċjalment fuq il-firxa tal-letteratura tat-triq u l-produzzjoni tagħha, fuq delitti li għannew fuqhom fil-parti l-kbira malli ġraw, jew malli l-ikkundannat ħa l-kastig. Sa tkellimna wkoll fuq l-għannej tal-fatti u l-udjenza tiegħu, l-istil tal-ftuħ u l-għeluq tal-fatt, il-fażijiet tal-liminalità li fih, il-fatt bħala forma ta’ protesta, il-mobbiltà kulturali tiegħu, u l-każ ta’ Ċikku Fenech li għadha tiftakar kif ġara.

Il-proġett qed jitmexxa minn Dr Adrian Grima (koordinatur), il-Prof. Manwel Mifsud u Dr Michael Spagnol, bl-għajnuna ta’ għadd ta’ esperti f’oqsma differenti tat-tradizzjoni orali Maltija.

15171034_1846541485581464_4186224968691571610_n.jpg

Marlene Mifsud Chircop, għalliema u riċerkatriċi indipendenti, ħadmet mal-folklorista Ġuże Cassar Pullicino u mal-mejjet żewġha, il-folklorista antropoloġiku Ġorġ Mifsud Chircop. Wara l-ewwel teżi tagħha “Il-Folklor fir- Rumanz Storiku/Romantiku Malti” (1972) u t-tieni “A Motif-Index of the Maltese Folktale” għall-M.A., kompliet bir-riċerka fin-narrattiva popolari, fl-irrakkuntar u fl-għana Malti, illum il-ġurnata b’mod speċjali l-element kulturali u soċjali fl-għana tal-fatt.

Flimkien ma’ żewġha, ikkoproduċiet u ppreżentat 26 dokumentarju kulturali ta’ 45 minuta għat-televixin: Ix-xogħol Waħdu Jurik u Fuq Għajnejk (1996, 2001, Dir. Alvin Scicluna) u għar-radju Maltese Folklore in the Modern World (2000) u A Folk Festival in Malta (2003). Interpretat u ttraduċiet kemm-il darba l-għana u l-irrakkuntar waqt festivals Malta u barra.

Ħadet sehem f’konferenzi Malta u barra, fejn ippreżentat fost l-oħrajn “Mnarja – a Midsummer’s Festival in Contemporary Malta” (Gothenburg 2006), “Maltese Folk Narrative” (Isle of Bute 2011), “Good Friday Processions in Contemporary Malta” (Innsbruck 2014), “The First Ten Years of the Maltese Folk singing Festival” (Malta 2014), The Development of Maltese Ballads (Malta 2014). Barra diversi sessjonijiet tal-għana u tal-irrakkuntar, kemm f’Malta kif ukoll barra, ideat u koorganizzat l-attivita kulturali “Grimani Min Qatlu?” għal Science in the City (Malta 2014).

min-qatel

Ftit ġimgħat ilu Marlene Mifsud Chircop ħarġet il-ktieb Min Qatel il-Patri? (Klabb Kotba Maltin) mar-Rev. Dr Mark Montebello.