Mistur u minsi: Fredu Spiteri (il-Lavarist)

Nhar it-Tlieta, 21 ta’ Marzu 2017, il-Prof. Manwel Mifsud se jagħmel taħdita bl-isem ta’ “Mistur u minsi: Fredu Spiteri (il-Lavarist), għannej u makkjettist Għawdxi prim,” fl-Engineering Lecture Theatre (ELT) tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, fis-6.30pm. Din hija t-tmien taħdita mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Id-dħul huwa b’xejn.

IMG_8789IMG_8793IMG_8797IMG_8803

Fredu Spiteri (1929-1965), magħruf bħala “il-Lavarist” jew “Tal-Pitrolju”, kien għannej u makkjettist Għawdxi mill-aħjar u l-ħila ta’ kelmtu u s-simpatija kbira tiegħu kienu jiġbdu warajh il-folol Għawdxin u Maltin, kemm fis-serati u l-konkorsi tal-għana kif ukoll fil-jiem tal-Karnival. Imma billi miet ħesrem ta’ 35 sena u ma laħqux saru diski tiegħu, tista’ tgħid li llum jaħasra ntesa. Mill-makkjetti tiegħu, madankollu, għadna nistgħu napprezzaw il-ħila tiegħu, kif ukoll is-sehem ewlieni li kellu fl-iżvilupp tal-makkjetta fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet tas-seklu l-ieħor, żmien li laqqa’ flimkien ħafna kurrenti mużikali, lokali u barranin.

Iktar mid-diskors tal-kelliem – li se jkun ftit – din it-taħdita għandha toffri lil min jattendi l-opportunità rari li jisma’ u japprezza siltiet ta’ wieħed mill-aqwa persunaġġi tal-ispettaklu Malti f’reġistrazzjonijiet rari miġbura bit-tbatija matul is-snin.

manwel-mifsud-konferenza-mamo
Manwel Mifsud waqt il-Konferenza Juann Mamo (2013). Ritratt meħud minn Charlene Valentina Giordimaina

Il-Prof. Manwel Mifsud huwa awtorità ewlenija fuq l-Ilsien Malti. Għal ħafna snin kien il-kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università u l-ewwel president tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Kien ukoll is-segretarju tal-għaqda internazzjonali tad-djalettoloġija Għarbija, AIDA (Association Internationale de Dialectologie Arabe), u editur tal-atti tal-konferenzi tagħha. L-oqsma ta’ riċerka li jinteressawh l-aktar huma l-istorja tal-ilsien Malti, il-morfoloġija tiegħu (sinkronika u dijakronika), il-kuntatt bejn l-ilsna, u t-tifsil għal-lingwa. Bil-pubblikazzjoni tal-ktieb Loan Verbs in Maltese: A Descriptive and Comparative Study (Leiden: E.J. Brill, 1995), qiegħed l-istudju tal-morfoloġija mhux Għarbija fuq sisien xjentifiċi. Ilu s-snin imexxi l-programm popolari fuq radju RTK, Seħer il-Malti, u huwa midħla sew tal-qasam tal-mużika popolari.

Dawn it-taħditiet dwar It-Tradizzjoni Orali qed isiru bl-għajnuna tal-Klabb Kotba Maltin.

Hemm aktar tagħrif dwar din it-taħdita u dwar “It-Tradizzjoni Orali – L-Università ta’ Malta” fuq Facebook u fuq is-sit tradizzjonioraliblog.wordpress.com. Wara t-taħdita se jkkun hemm bibita żgħira.

 


 

Rare Għana Recordings and a talk on Fredu Spiteri, “il-Lavarist”

Photo caption: Picture of Prof. Manwel Mifsud by Charlene Valentina Giordimaina

On Tuesday 21 March, Prof. Manwel Mifsud will be giving a public talk in Maltese about the Gozitan folk-singer Fredu Spiteri, “il-Lavarist”, at 6.30pm in the Engineering Lecture Theatre (ELT) of the University of Malta in Tal-Qroqq, Msida. This is the eighth talk in a series organized by the Department of Maltese in the Faculty of Arts as part of its project on Oral Traditions. Entrance to the talk is free and everyone is welcome to attend.

Fredu Spiteri (1929-1965), also known as “il-Lavarist” or “Tal-Pitrolju”, was a Gozitan għannej (folksinger) and makkjettist (għana and makkjetta composer-and-singer) whose lyrics and charisma on stage pulled the crowds of Gozitans and Maltese. During the talk, Manwel Mifsud will be playing rare recordings of Fredu Spiteri’s għana.

manwel4-1Prof. Manwel Mifsud is a leading authority on the Maltese language. For many years he was head of the Department of Maltese in the Faculty of Arts at the University and the first president of the National Council for the Maltese Language. He was also secretary of the international association of Arabic dialectology, AIDA (Association Internationale de Dialectologie Arabe), and editor of its conference proceedings. His main research interests include the history of the Maltese language,  its synchronic and diachronic morphology, language contact, and language planning. His seminal work, Loan Verbs in Maltese: A Descriptive and Comparative Study (Leiden: E.J. Brill, 1995), is a description of the processes by which Romance and English loan verbs have been integrated to varying degrees into the Arabic structure of Maltese morphology. Manwel Mifsud has been producing and presenting a popular programme on the Maltese language on RTK radio, Seħer il-Malti, for many years. He is also an expert on popular Maltese song.

The project about It-Tradizzjoni Orali is supported by Klabb Kotba Maltin. More information on this talk and on the project is available on Facebook and at tradizzjonioraliblog.wordpress.com. Light refreshments will be served after the talk.

 


Ħafna par(għ)oli u ftit kliem baxx

Ritratti meħudin minn Kevin Kiomall

IMG_1630.JPGfullsizerenderimg_1622img_1626

Nhar it-Tlieta, 7 ta’ Frar 2017, Michael Spagnol se jagħmel taħdita dwar “Ħafna par(għ)oli u ftit kliem baxx: il-logħob bil-kliem fil-Malti,” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq. It-taħdita tibda fis-6.00pm u hija miftuħa għal kulħadd. Id-dħul huwa b’xejn. Wara t-taħdita jkun hemm bibita żgħira.

fbyoutube

Il-logħob bil-kliem, il-manipulazzjoni tal-forma u l-funzjoni tal-lingwa għall-gost, jieħu bosta suriet, bħall-ħaġa moħġaġa, il-paronomasja, ir-rebus, l-anagramma, u tagħwiġ l-ilsien. F’din it-taħdita Dr Michael Spagnol jesplora l-ħafna modi kif nilagħbu b’elementi lingwistiċi differenti mill-alfabett sal-pronunzja, mit-tifsir sal-grammatika bil-għan li juri kif il-logħob bil-kliem jgħaddi bil-fomm minn ġidd għal ġidd sewwasew għax hu karatteristika intrinsika tal-lingwa. 

Dr Michael Spagnol hu lettur fid-Dipartiment tal-Malti u l-Istitut tal-Lingwistika tal-Università ta’ Malta. Ir-riċerka tiegħu tiffoka fuq il-morfoloġija, is-semantika, il-lessikografija u d-djaletti tal-Malti. F’Jannar tal-2013 fetaħ il-paġna ta’ Facebook “Kelma Kelma” li tiġbor kurżitajiet lingwistiċi bħall-kelma tal-ġurnata, il-qwiel, it-taqbiliet tat-tfal, u l-logħob bil-kliem. U mill-2014 lil hawn hu wieħed mill-organizzaturi tal-kunċerti “Kelma Kelma Nota Nota” li huma tiżwiqa ta’ umoriżmu, mużika u letteratura Maltija.

loghobbilkliem53

Din it-taħdita hija s-seba’ waħda mis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali mmexxija mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta. Dan il-proġett beda f’Mejju tal-2016 b’taħdita mill-Prof. Mourad Yelles mill-Inalco ta’ Pariġi. Wara t-taħdita ta’ Dr Michael Spagnol se jkun hemm oħra tal-Prof. Manwel Mifsud it-Tlieta, 21 ta’ Marzu 2017, bl-isem “Mistur u minsi: Fredu Spiteri (il-Lavarist), għannej u makkjettist Għawdxi prim,” u t-Tlieta, 4 ta’ April 2017, Ġorġ Peresso se jitkellem dwar “Il-Vrajs tal-Madalena.”

Id-Dipartiment tal-Malti jixtieq jirringrazzja lill-Klabb Kotba Maltin tal-għajnuna tiegħu biex tittella’ din is-sensiela ta’ taħditiet. Hemm aktar tagħrif dwar dan il-proġett fuq il-paġna ta’ Facebook, “It-Tradizzjoni Orali, L-Università ta’ Malta”.


minion

Wordplay occurs when people manipulate the forms and functions of language as a source of fun. It takes many forms, such as riddles, puns, rebuses, anagrams, and tongue twisters. In this talk, Dr Michael Spagnol will consider the various ways in which we play with different linguistic elements from spelling to pronunciation, from semantics to grammar — with the aim of showing that wordplay is passed on orally from one generation to another precisely because it is an inherent property of human language.

Dr Michael Spagnol is a lecturer in the Department of Maltese and the Institute of Linguistics at the University of Malta. His research interests include morphology, semantics, lexicography, and dialectology. Since January 2013 he is the administrator of the Facebook page “Kelma Kelma”, which deals with several linguistic issues, such as the word of the day, proverbs, nursery rhymes, wordplay, and the like. He is also one of the organisers of the concert series “Kelma Kelma Nota Nota” which bring humour, Maltese music and literature on stage together. 

fullsizerender-3


Il-Vrajs tal-Madalena

Nhar it-Tlieta, 4 ta’ April 2017, fis-6.00pm, Ġorġ Peresso se jagħmel taħdita pubblika dwar IL-VRAJS TAL-MADALENA bħala parti mis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta. It-taħdita se ssir fil-kampus tal-Università f’Tal-Qroqq (il-kamra titħabbar dalwaqt). Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn.

gorg peresso.jpg
Ġorġ Peresso

Il-vrajs tal-Madalena hu wieħed antik u jinsab mifrux, b’varjazzjonijiet lokali, f’pajjiżi differenti tal-Ewropa, mill-Iżvezja saMalta. Meta u kif daħal Malta ma nafux, imma żgur li hu antik u forsi daħal fostna mill-Provenza fi Franza minn xi predikaturi għal żmien ir-Randan, għax il-vrajs hu rakkont li għandu jqanqal indiema u penitenza u l-figura tal-Madalena minn dejjem kienet figura dominanti bħala simbolu ta’ dawn is-sentimenti. Dan jidher fil-pitturau t-teatru, u fir-rabta, mhux għalkollox ġustifikata, mal-konverżjoni tal-prostituti.

mary_magdalene_caravaggio
Maria Maddalena in estasi, żejt fuq it-tila, xogħol attribwit lil Caravaggio (1606)

Il-vrajs Malti għandu b’kollox sitt strofi asimmetriċi, imma miktuba b’mekkaniżmi letterarji bħall-alliterazzjoni, ir-rima interna, l-onomatopeji, id-djalogu, u t-teatralità, li jagħmlu faċli li jaqbad mal-fantasija u aktar faċli li timmemorizzah. Kien l-istudjuż Ġużè Cassar Pullicino li fis-sittinijiet għamel riċerka u studju intensiv kemm Malta u kemm Għawdex, sakemm sensel dan il-vrajs. Għamel ukoll studju komparattiv ma’ vrajjes oħra simili fuq il-Madalena. Bl-għodod limitati ta’ studju li kellu f’idejh il-folklorista Malti, Cassar Pullicino wasal għall-konklużjoni li l-vrajs tagħna hu eqreb tal-vrajs qasir li jinsab f’Ravenna u li tagħna fih konklużjoni li hi tipikament Maltija. Dan mhux għalkollox minnu, iżda lanqas mhu imbiegħed wisq mil-verità.

Ġorġ Peresso kompla fuq l-istudji li għamel Cassar Pullicino u b’kuntatti ma’ folkloristi minn Ravenna sab aktar tagħrif dwar ix-xebh bejn il-vrajjes tal-Madalena f’Ravenna u Malta. L-istudju tiegħu huwa analiżi Formalista tal-istil tal-vrajs Malti.

IMG_9449IMG_9453

Il-kittieb, poeta u xandar Ġorġ Peresso twieled il-Birgu fl-1939. Studja De La Salle College u Theresian School, u kompla l-istudji tiegħu tal-letteratura u l-filosofija fi Treviso u Brescia. F’Ruma kiseb il-Maġisteru fit-Teoloġija Spiritwali. Għal xi żmien għallem l-Istorja tad-Drama, il-kitba tal-iscripts, u t-Teoloġija Pastorali permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.

Rebaħ disa’ premjijiet fix-xandir mogħtija mill-Awtorità tax-Xandir u kiteb għadd ta’ rumanzi, ġabriet ta’ novelli u poeżiji. Uħud minn dawn il-kotba rebħu l-premjijiet mogħtija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Studju tiegħu ippublikat minn Horizons hu Il-Mara ta’ Dlielha Twil, li barra doku-radjudrama fih ukoll studji fuq il-figura tal-Madalena u fuq il-vrajs tal-Madalena.

Ġorġ Peresso kiteb għadd kbir ta’ radjudrammi minn żmien ir-Rediffusion u sensiliel ta’ teledrammi. Għadu jxandar fuq Campus FM, fejn għamel programmi dwar l-istorja u l-etimolġija tal-kliem u l-idjomi, u jikteb radjudrammi għal żewġ ilħna. Huwa wkoll wieħed mill-qarrejja ta’ Qari bil-Malti fuq Radju Malta.

Ġorġ Peresso għamel diversi diskorsi fil-Portugall u Spanja dwar it-tradizzjonijiet orali.

Id-Dipartiment tal-Malti jirringrazzja lill-Klabb Kotba Maltin tal-għajnuna tiegħu fl-organizzazzjoni tat-taħditiet dwar It-Tradizzjoni Orali.

Il-proġett dwar It-Tradizzjoni Orali jinsab fuq Facebook u f’dan is-sit: tradizzjonioraliblog.wordpress.com