Karga ta’ veru: Riflessjonijiet fuq il-Kaċċa u ż-Żgħażagħ

Il-Ħamis 17 ta’ Novembru 2022, fis-6pm fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta se ssir intervista mas-Sur Jason Zammit dwar Karga ta’ veru: Riflessjonijiet fuq il-Kaċċa u ż-Żgħażagħ bħala parti mill-proġett dwar it-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta. Din l-intervista se tkun miftuħa għal kulħadd u se tintwera diretta fuq Zoom u Facebook. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u Klabb Kotba Maltin.

L-intervista, li se titmexxa minn Yanika Schembri Fava, se tiffoka fuq kif il-kaċċaturi żgħażagħ jitkellmu dwar id-delizzju tagħhom. Jason Zammit se jitkellem fuq kif osserva u intervista lill-kaċċaturi żgħażagħ li kienu parti mir-riċerka tiegħu għall-kors tal-Baċellerat fl-Istudji dwar iż-Żgħażagħ u l-Komunità fl-2011, Of Wolves and Young People: Initiation and Commitment to Hunting. Mill-osservazzjonijiet u l-intervisti li Zammit għamel fil-fond ħarġu għadd ta’ frażijiet u espressjonijiet li ma jintużawx min-nies li m’għandhomx din in-namra, bħal: “ħallelin tan-natura”, “nillupa fuq il-kaċċa” u “tajra ta’ preġju.” Waqt din l-intervista se jinqraw siltiet mill-intervisti li saru bħala parti mir-riċerka li saret u huma xhieda ħajja ta’ dan il-lingwaġġ.

Jason Zammit huwa Youth Worker u ilu jaħdem mal-Aġenzija Żgħażagħ mill-2010 bħala Senior Manager. Zammit jagħti wkoll lekċers mad-Dipartiment tal-Politika Pubblika, L-Università ta’ Malta. Huwa għandu Baċċelerat fl-Istudji taż-Żgħażagħ u l-Komunità, fejn matul dawn l-istudji żviluppa interess fis-sotto-kulturi, tranżizzjonijiet taż-żgħażagħ u fil-politika taż-żgħażagħ. Jason kompla l-istudji tiegħu b’Masters fil-Politika Pubblika fejn seta’ jkompli jiffoka fuq il-politika taż-żgħażagħ.