Nhar it-Tlieta 4 ta’ Lulju 2017, Yanika Schembri Fava, bl-għajnuna ta’ Dr Adrian Grima, intervistat lil Guido Lanfranco dwar it-tradizzjonijiet orali Maltin fid-dar tiegħu f’Tas-Sliema. Il-filmat tal-intervista nġibed minn Kevin Kiomall.
Segwi l-filmat: Intervista ma’ Guido Lanfranco dwar it-tradizzjonijiet Maltin
Yanika Schembri Fava, assistenta riċerkatriċi fil-proġett dwar It-Tradizzjoni Orali ffinanzjat minn fond għar-riċerka fi ħdan l-Università ta’ Malta, staqsiet lis-Sur Lanfranco:
- kif u minn fejn beda l-interess fil-folklor
- x’jifhem bi tradizzjoni orali u x’inhuma l-oqsma li jinkludi fiha
- jekk jaħsibx li dan il-wirt qiegħed jintilef u għaliex
- x’nistgħu nagħmlu biex inżommu dan il-wirt ħaj
- kif jirnexxilu jsib taqbiliet ġodda/varjanti, drawwiet eċċ: jekk hux billi josserva biss jew imur jistaqsi direttament lill-bdiewa, tfal eċċ.
- x’mezzi juża biex jippreserva dak li jara jew jisma’: kitba, tpenġija, rekording eċċ. (forsi jurina xi xogħol)
- xi sfidi jiltaqa’ magħhom meta jiġi biex jistaqsi lin-nies, speċjalment lil persuni li ma jafx.
- x’inhuma l-oqsma li jaħseb li għandna naħdmu fuqhom l-iktar u kif
- x’inhi il-metodoloġija li normalment juża meta jintervista lin-nies hu
- lil min jissuġġerixxi li nintervistaw biex inkomplu nistħarrġu t-tradizzjonijiet orali f’Malta
- min kienu r-riċerkaturi Maltin u barranin li influwenzawh l-aktar
- kif jista’ jgħinu d-Dipartiment tal-Malti fix-xogħol tiegħu u fit-tixrid u l-promozzjoni tax-xogħol u r-riċerka li għamel hu
Adrian Grima staqsa lil Guido Lanfranco dwar il-versi popolari tan-nisa, li r-riċerkatur sejħilhom “għana tad-dar” jew “tal-banju”.
Yanika Schembri Fava staqsiet lis-Sur Lanfranco wkoll dwar is-sehem tiegħu bħala riċerkatur tat-tradizzjonijiet orali fil-mezzi tax-xandir, il-gazzetti, ir-radju u t-televiżjoni, u dwar ir-riċerka li qed jagħmel bħalissa.
Guido Lanfranco qalilna li għandu tliet kotba lesti għall-pubblikazzjoni u li għadda l-materjal awdjoviżiv tiegħu lill-Mużew tal-Etnografija tal-Birgu.
Ritratti meħudin minn Adrian Grima