Nhar It-Tnejn 7 ta’ Frar 2022 fis-6.00pm, Keith Attard, “Bil-ballun f’saqajna … jew fi lsienna”. Din it-taħdita, li se ssir mil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta u se tintwera diretta fuq Zoom u Facebook, hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali mmexxija mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Barmu għal ġewwa, ħareġ għall-friefet, passatur, pinġihulu, kiluhom, nifed id-difiża, żifen bil-ballun…
Din it-taħdita se tlaqqagħna ma’ għadd ta’ espressjonijiet li jingħadu fil-futbol. Fost affarijiet oħra, se tingħata ħarsa wkoll lejn:
- il-lingwaġġ tekniku u l-lingwaġġ figurattiv;
- l-użu tal-Ingliż u tat-Taljan fl-espressjonijiet tal-futbol;
- il-metafora kunċettwali fil-futbol;
- l-influwenza tar-reġistru tal-futbol fit-taħdit ta’ kuljum, fil-politika, fuq it-televiżjoni u f’oqsma oħra;
- x’għandu jiġi evitat f’dan ir-reġistru;
- l-ekonomija semantika fl-espressjonijiet tal-futbol;
- espressjonijiet ta’ nkejja;
- espressjonijiet imnebbħa minn kuntest lokali.

Keith Attard huwa għalliem tal-Malti tas-sekondarja, qarrej tal-provi u awtur ta’ żewġ kotba ta’ Ballun Pinġut (2012, 2014). Bħalissa huwa l-President tal-Għaqda tal-Malti – L-Università. Flimkien mal-qari, żewġ passjonijiet kbar tiegħu huma l-Malti u l-isport.