Is-santa tal-mejjet: teżor moħbi

Nhar it-Tlieta, 20 ta’ April 2021, fis-6.00pm, Martina Bezzina, “Is-Santa tal-Mejjet: teżor moħbi” fuq Zoom. Biex tidħol issegwi din it-taħdita agħfas fuq din il-ħolqa: https://universityofmalta.zoom.us/j/93776098259

Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

Meta wieħed jikseb il-bxara li xi ħadd ħalliena mal-ewwel jinbtu l-frażijiet “Alla jagħtih il-glorja tal-ġenna”, “Alla riedu ħdejh”, jew “straħ fis-sliem.” Dan jixhed biċ-ċar li hemm tradizzjoni ewfemistika relatata mal-okkażjoni ta’ sogħba. Is-suġġett tal-mewt huwa wieħed sensittiv speċjalment meta l-bniedem ħaj ikun qrib – ħabib jew qarib – tal-mejjet.

Santa meħuda mit-teżi tal-BA (Unuri) (2019), “Is-santi tal-mejtin f’Malta: minn sfond storiku Ewropew sa reġistru u stil” ta’ Martina Bezzina

Wieħed bla ma jaħseb jagħmel minn kollox biex iservi ta’ mezz konsolatorju f’dan il-mument ta’ diqa, u minn fommu joħorġu frażijiet li llum saru idjomi xierqa f’dawn iċ-ċirkustanzi. Iżda għaliex jingħadu? Primarjament għax in-niket tat-telfa jeħtieġ il-balzmu tal-konsolazzjoni, imqar fil-forma ta’ faraġ spiritwali jew reliġjuż. Il-konsolazzjoni hija marbuta sfiq mar-reliġjon Nisranija, speċjalment fit-tama li tnissel li l-mejjet diġà kiseb post aħjar mill-għomor tiegħu fid-dinja, permezz ta’ ħajja eterna ħdejn Alla. Għalhekk, fis-santi Nsara, kemm barranin kif ukoll Maltin, jitpoġġew siltiet mill-Bibbja flimkien ma’ frażijiet konsolatorji popolari. Il-konsolazzjoni tissaħħaħ ukoll bi frażijet popolari marbutin mat-temi tal-art u tas-sema, ngħidu aħna “hija kienet l-isbaħ warda” jew “kienet ix-xemx ta’ ħajti.” Dan għaliex wieħed jassoċja l-isbaħ u l-aktar elementi sempliċi mal-bniedem nieqes biex jesprimi kemm kien speċjali u jibqa’ jiftakru bl-aqwa mod possibbli.

Santa meħuda mit-teżi tal-BA (Unuri) (2019), “Is-santi tal-mejtin f’Malta: minn sfond storiku Ewropew sa reġistru u stil” ta’ Martina Bezzina

Din it-taħdita se tiffoka fuq dawn il-frażijiet, li bosta minnhom jingħadu bħala diskors wenniesi tipiku tal-komunità biex din ittaffi l-uġigħ tat-telfa lil min ikun f’luttu. Se tħares ukoll lejn kif il-poplu Malti juża modi varjati ta’ ewfemiżmu, mezzi ta’ tifħir, u tekniki oħra tad-diskors komuni bħall-allużjonijiet għall-Bibbja biex minn banda jtaffi l-weġgħa tat-telfa u mill-banda l-oħra jfakkar b’tifħir lill-bniedem nieqes.

screen-shot-2021-04-09-at-09.20.16Martina Bezzina, studenta universitarja fil-livell postgradwatorju, toqgħod il-Fgura. Mit-tfulija tagħha rabbiet imħabba lejn il-letteratura Maltija permezz ta’ interess analitiku fil-poeżija lokali. Dan l-interess wassalha ssegwi l-Baċellerat bl-Unuri fil-Malti, il-kors li fih għażlet – bħala qasam speċjalizzat għat-teżi tagħha – il-versi fis-santi tal-mejtin, kemm fl-aspett tekniku kif ukoll f’dak tematiku tagħhom. Attwalment, fil-kors tal-Maġisteru tat-Tagħlim, qed issegwi l-pedagoġija tal-Malti bl-għan li ’l quddiem issir għalliema. 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s