Il-Basli Jirrakkonta x-Xagħra l-Ħamra bejn l-1881 u l-2019

Nhar it-Tlieta 9 ta’ April 2019, fis-6.00pm, il-bidwi Joe Sciberras se jirrakkonta l-istorja orali tax-Xagħra l-Ħamra (biswit il-Manikata) bejn l-1881 u l-2019,” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Din se tkun taħdita oħra mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali. Dan huwa proġett ta’ riċerka tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta li qed isir bl-appoġġ tal-Fond tar-Riċerka tal-Università u l-Klabb Kotba Maltin.

Joe Sciberras il-Basli beda jżur ix-Xaghra l-Ħamra man-nannu, in-nanna u z-zijiet meta kellu 5 snin,. Meta tfarfar beda jaħdem il-biċċa raba li kellu hemmhekk u bil-mod il-mod beda jkabbar. Wara xi żmien beda jaħdem il-biċċa raba li kellu n-nannu, u mbagħad il-biċċa tal-kuġin ta’ missieru. U spiċċa bir-raba’ ta’ ħames ishma. Illum jaħdem mal-100 tomna raba’. Minħabba x-xogħol tar-raba’, Joe Sciberras ħadem bħala multiskill fitter mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u llum jieħu ħsieb l-imsaġar tal-Aħrax tal-Mellieħa u qiegħed jaħdem part-time fl-iskola tal-Gvern tal-Wardija fejn qed jgħallem lill-istudenti jaħdmu r-raba’ b’mod organiku.

Ħafna minn dak li se jirrakkonta Joe Sciberras fuq ix-Xagħra l-Ħamra sar jafu bil-fomm mingħand il-kuġin ta’ missieru u mingħand nies oħrajn li għexu fl-inħawi matul is-seklu 20. Għalhekk se jinsisti fuq l-importanza tar-rakkont orali għax ċertu għerf u tagħrif jgħaddi bil-fomm minn ġenerazzjoni għal oħra mingħajr ma jiġi rreġistrat bil-miktub.

Joe Sciberras se jitkellem fuq ir-riċerka tiegħu dwar it-tqassim tal-artijiet fix-Xagħra l-Ħamra li beda għall-ħabta tal-1881. Kienu l-bdiewa li żviluppawha din il-medda ta’ art f’raba’. Meta miet is-sid ta’ biċċa art kbira, ir-raba’ tqassam bejn għadd ta’ bdiewa. Aktarx qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, is-servizzi Ingliżi xtraw iċ-ċens biex jagħmlu l-manuvri militari f’dawk l-inħawi. Minħabba li l-manuvri kienu jsiru bil-“munizzjon ħaj” weġġgħu ħafna nies li kienu jaħdmu jew iżuru l-inħawi. Joe Sciberras se jsemmi l-każ traġiku ta’ tlett itfal li miet minħabba l-munizzjon li ħallew warajhom is-suldati Ingliżi.

Il-qraba u l-ħbieb tal-Basli jirrakkontaw ukoll li fit-Tieni Gwerra Dinjija, għall-ħabta tal-1943-44, l-Eight Army Ingliża li ġġieldet fl-Afrika ta’ Fuq kienet ikkampjata x-Xagħra l-Ħamra qabel telqet minn Malta biex tieħu sehem fl-invażjoni ta’ Sqallija. Fi żmien il-Gwerra, fil-kamp ta’ Għajn Tuffieħa kien hemm stazzjonati ħafna nies tal-militar u għalhekk l-ajruplani tal-għadu sikwit kienu jattakkaw l-inħawi.

il-park tal-majjistral

Każ minnhom seħħ fl-1942, lejlet San Ġużepp. Joe Sciberras sar jaf bih mingħand nies tal-familja tiegħu li kienu jaħdmu bħala baqquniera f’dawk l-inħawi. Żewġ ekwipaġġi ta’ sottomarini kienu qegħdin Għajntuffieħa għax ma kellhomx fuel biex iħaddmu l-bastimenti tagħhom. Jidher li l-Ġermaniżi saru jafu li kienu hemm u attakkaw il-kwartieri ta’ dawn il-baħrin u qatluhom kollha.

Barra minn hekk, darba minnhom l-ajruplani waddbu l-bombi tan-nar imma ma qabdux għax l-ajru kien umdu. Il-bdiewa li kienu qed jaħdmu r-raba’x-Xagħra l-Ħamra raw kollox quddiem għajnejhom.

Joe Sciberras il-Basli se jitkellem ukoll fuq l-ismijiet li hemm l-irdum li jintużaw mis-sajjieda, il-bdiewa u l-kaċċaturi, imma li mhuma mniżżlin fuq ebda pjanta. Bħala isem, anki “x-Xagħra l-Ħamra” ma jidher imkien fid-dokumenti u l-pjanti: minflok hemm żewġ ismijiet għal oqsma biswit xulxin, ix-Xagħra ta’ Għajn Żnuber u x-Xagħra tal-Kortin. Joe Sciberras għandu jitkellem fuq in-nisel ta’ dan l-isem li jeżisti biss fit-tradizzjoni orali.

Joe Sciberras żagħżugħ
Ritratt mill-imgħoddi ta’ Joe Sciberras il-Basli

F’din it-tielet sena tal-proġett fuq It-Tradizzjoni Orali jonqos isiru tliet taħditiet oħrajn:

  • It-Tlieta 7 ta’ Mejju 2019, 6.00pm, Dorothy Bezzina, “Gaetano Kanta u l-Kanzunetta Popolari,” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq,
  • It-Tlieta 14 ta’ Mejju 2019, 6.00pm, Yanika Schembri Fava, “Xogħol Mibdi jew Li Għad Irid Isir, 53 sena wara Cassar Pullicino,” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq.
  • It-Tlieta 21 ta’ Mejju 2019, 6.00pm, Prof. Mourad Yelles (Inalco), “The Status of Oral Tradition in the Formation and Evolution of Literary Canons in Algeria : from colonial to post-colonial contexts,” fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq.

L-attivitajiet kollha tal-proġett fuq It-Tradizzjoni Orali huma miftuħin għall-pubbliku inġenerali u d-dħul għalihom huwa b’xejn.

majjistral

Is-sit tal-proġett jinsab hawnhekk. http://tradizzjoniorali.org. Il-proġett għandu wkoll paġna fuq Facebook: https://www.facebook.com/um.tradizzjoniorali/.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s