Bejn Storja u Stejjer: Il-Kapitlu Gonzi

It-Tlieta 24 ta’ Marzu 2020, kellha ssir it-taħdita ta’ Sergio Grech “Bejn Storja u Stejjer: Il-Kapitlu Gonzi“. Sfortunatamanet, minħabba l-imxija tal-Coronavirus, se jkollna nħassruha.

Din it-taħdita hija parti mis-sensiela fuq It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u hija miftuħa għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Fondi ta’ Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Klabb Kotba Maltin.

It-taħdita se tiffoka fuq l-istejjer marbuta mal-Arċisqof Gonzi li mexxa d-djoċesi ta’ Malta bejn l-1944 u l-1976 – żmien mill-iktar imqalleb fl-istorja nazzjonali. Bħala parti mid-dottorat, Sergio Grech intervista madwar mitt persuna, ħafna minnhom saċerdoti, biex jikseb aktar tagħrif dwar l-Arċisqof Mikiel Gonzi. Minn dawn l-intervisti ħarġu għadd ta’ stejjer fuq l-Arċisqof Gonzi, figura ironikament qsajra, li madankollu, il-persuni intervistati bdew ipinġuh bħala persuna kbira, persuna li d-djoċesi qatt ma rat bħalha u fi kliem wieħed minnhom “kapitlu irrepetibbli”. It-taħdita se timraħ qalb dawn l-istejjer u se tagħżel u tifred l-impċajpar miċ-ċar u fuq kollox tevalwa permezz tat-Tradizzjoni Orali kif il-poplu ħares lejn dan l-isqof ewlieni tas-seklu 20.

Sergio Grech twieled iż-Żejtun fl-1975. Studja l-Istorja fl-Università ta’ Malta minn fejn kiseb il-Baċellerat bl-Unuri, PGCE u Maġisteru. Barra minn hekk, qed jaħdem fuq id-dottorat fl-Istudji Maltin. Fis-sena 2004, ippubblika l-bijografija Patri Feliċjan Bilocca Ħajtu u Żminijietu 1914-1987. Fl-2010, ħareġ ir-rumanz Il-Lejl tal-Irġulija. Tliet snin wara editja l-ktieb Duminku Mintoff Bejn Storja u Miti Ġabra ta’ Kitbiet Dwaru fejn grupp ta’ ħassieba ta’ fehmiet differenti analizzaw dan il-politiku kumpless Malti. Fl-2013 ippubblika l-bijografija tat-Tabib Alexander Cachia Zammit. Ħareġ ukoll il-bijografija ta’ Anton Tabone, l-eks Ministru ta’ Ghawdex. Editur tas-sensiela Bejn Storja u Miti li barra l-ktieb ta’ Mintoff ħarġu volumi dwar Herbert Ganado, Eddie Fenech Adami, Monsinjur Victor Grech, Fr Hilary Tagliaferro, Mabel Strickland u Marie-Louise Coliero Preca.

Irriċerka f’diversi arkivji lokali u barranin fosthom: The National Archives of the United Kingdom (Kew), il-BBC Written Archives Centre ta’ Caversham Park, (Reading), l-Arkivju Nazzjonali ta’ Malta, l-Arkivji tal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista u l-Arkivji tal-għaqdiet reliġjużi lokali.

Xandar ta’ għadd kbir ta’ programmi b’xeħta kulturali fuq Ir-Radju tal-Università, Campus FM, FM Bronja, Radju Malta, TVM, Eden FM u Education 22. Fundatur tal-grupp letterarju Poeżijaplus u kien l-ewwel Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Fil-preżent huwa impjegat bħala Assistent Kap ta’ Skola Primarja.

 

2 thoughts on “Bejn Storja u Stejjer: Il-Kapitlu Gonzi”

  1. Gie l-Awstralja fil-hamsinijiet u introduca s-sorijiet Frangiskani Tal-Qalb ta’ Gesu li llum jinsabu f’Mackay. Wollongong u South Australia.

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s